Il-Papa Franġisku rrikonoxxa seba’ isqfijiet li nħatru miċ-Ċina bħala parti minn ftehim storiku intiż biex itejjeb ir-relazzjonijiet bejn il-Vatikan u l-awtoritajiet komunisti f’Beijing.
Il-kwistjoni ta’ min jaħtar l-isqfijiet ilha toħloq l-inkwiet mindu ċ-Ċina kisritha minn mal-Vatikan fl-1951. Intant, hemm madwar 10 miljun Kattoliku residenti fiċ-Ċina.
Il-Papa Franġisku qed jittama li dan il-ftehim ‘itaffi l-feriti tal-passat’ waqt li jwassal għall-għaqda Kattolika ‘totali’ fiċ-Ċina.
L-awtoritajiet f’Beijing kienu ilhom jinsistu li l-Istat għandu japprova l-ħatra tal-isqfijiet fiċ-Ċina — kuntrarju għall-insistenza tal-Knisja Kattolika li d-deċiżjoni għandha tkun tal-Papa.
Fil-preżent, il-Kattoliċi fiċ-Ċina għandhom l-għażla li jattendu l-knejjes sanzjonati mill-Istat u li huma approvati minn Beijing, inkella li jesprimu d-devozzjoni waqt avvenimenti reliġjużi ‘taħt l-art’ (fiċ-Ċina) u li jirriflettu lealtà sħiħa għas-Santa Sede.
//= $special ?>

