Futbol Sport

Inter jiksbu rebħa drammatika b’gowl ta’ Brozovic

(Ritratt: EPA)
Rebħiet ukoll għal Parma u Fiorentina

Wara r-rebħa lejn it-tmiem kontra Tottenham fiċ-Champions League, Inter reġgħu rebħu fl-aħħar minuti meta għelbu l-ostaklu ta’ Sampdoria 1-0. Partita li fiha l-kontroversja ma naqsitx, b’Inter ikollhom żewġ gowls imħassra ta’ Radja Nainggolan qabel tmiem l-ewwel taqsima u Kwadwo Asamoah fis-87 minuta. Sampdoria wkoll kellhom gowl ta’ Defrel imħassar fid-89 minuta.

Inter skorjaw il-gowl tar-rebħa fit-93 minuta meta minn kross ta’ Ivan Perisic, il-ballun spiċċa għand MARCELO BROZOVIC li spara wara Emil Audero li kellu logħba tajba.

Fiorentina komplew il-bidu pożittiv tagħhom fis-Serie A meta għelbu lil Spal 3-0 fi Stadio Artemio Franchi. MARKO PJACA fetaħ l-iskor fit-18-il minuta meta skorja minn qagħda ideali wara żball difensiv u NIKOLA MILENKOVIC irdoppja fit-28 minuta meta antiċipa l-ħarġa ta’ Gomis b’daqqa ta’ ras. Fiorentina għalqu l-logħba fis-56 minuta b’xutt fir-rokna mill-kaxxa ta’ FEDERICO CHIESA.

Parma kisbu l-ewwel rebħa f’darhom wara li għelbu lil Cagliari 2-0. ROBERTO INGLESE fetaħ l-iskor fl-20 minuta b’gowl li ħabat miegħu biex daħal, b’GERVINHO jirdoppja fis-47 minuta bi ġmiel ta’ gowl wara azzjoni personali minn nofs il-grawnd.

Tags