L-Assoċjazzjoni tal-Piloti, l-ALPA, iddikjarat li s-sospensjoni ta’ pilota tal-linja nazzjonali tal-ajru l-Air Malta hi biss att intimidatorju li għandu l-għan li jintimida l-komunità tal-piloti.
Il-każ hu dwar pilota li ħames xhur ilu kiteb kumment fuq il-midja soċjali fejn tkellem b’mod ironiku għal meta ajruplan tal-linja nazzjonali ma’ joperax għaliex ikun qed isegwi direttiva tal-ALPA.
Fi stqarrija, l-ALPA qalet li d-deċiżjoni li l-pilota jiġi sospiż kienet waħda mgħaġġla u biss reattiva wara r-reazzjoni tal-pubbliku għal storja deskritta bħala “qarrieqa” u dwar kumment li “ttieħed barra mill-kuntest” fuq is-sit tal-kamra tal-aħbarijiet tal-Partit Laburista.
L-ALPA ddikjarat ukoll li l-azzjoni tal-Air Malta kienet ukoll attakk fuq rappreżentant tal-piloti, intiż biex jintimida lill-piloti, anke għaliex il-kumment ittieħed minn grupp privat li l-membri tiegħu huma l-piloti.
Deskritt mill-ALPA bħala pilota dedikat u professjonali, li qatt mhu se jaġixxi b’mod irresponsabbli lejn il-passiġġieri, kollegi jew il-kumpaniji, il-komunità tal-piloti ddikjarat li tinsab magħquda f’appoġġ lejn l-individwu.
L-ALPA tiddikjara wkoll li mhux se jinħarġu azzjonijiet industrijali b’mod immedjat biss biex il-passiġġieri ma jsofrux il-piż tad-deċiżjonijiet maniġerjali ħżiena tal-kumpanija Air Malta.
//= $special ?>