Internazzjonali

Isalva b’miraklu mill-inċident traġiku bil-vapurett fit-Tanżanija

Raġel ittella ħaj ‘u kontra kull mistenni” mill-vapurett li, tlett ijiem ilu, inqaleb qrib ix-xatt waqt li kien qed jikkonkludi vjaġġ minn Lake Victoria, fit-Tanżanija.

Iċ-ċifra tal-mejtin f’din it-traġedja issa, telgħet għal aktar minn 180, bil-parti kbira jegħrqu wara li n-nies kienu ġrew lejn naħa waħda tal-vapurett (li kien mgħobbi ż-żejjed bin-nies) bil-konsegwenza li dan inqaleb fuq ġenb. Il-vapurett, ‘MV Nyerere’, dak il-ħin, kien qed jikkonkludi vjaġġ minn Bugorora lejn il-Gżira ta’ Ukara.

Intant, ir-raġel (inġinier) li ‘salva b’miraklu’ seta’ jieħu n-nifs minn ġo ‘air pocket’ għal ħafna ħin u wara li kien issakkar ġo kamra żgħira tal-vapurett. Dan sakemm setgħu jtellgħuh il-bugħaddasa li sabuh ‘f’kundizzjoni serja’.

Il-bugħaddasa komplew ifittxu għall-ħajjin wara li semgħu ‘ilp-ħsejjes ħerġin’ minn sezzjoni tal-vapurett. Intant, l-iskwadri tas-salvataġġ għadhom qed itellgħu l-katavri mill-ilma, biċ-ċifra tal-vittmi mistennija titla’ fis-sigħat li ġejjin. Hu kkalkulat li kien hemm talanqas 300 persuna fuq il-vapurett fil-ħin meta nqaleb f’Lake Victoria.