Ftit jiem oħra jiftħu l-bibien tal-Iskejjel tal-Gvern, tal-Knisja u Indipendenti. Iżda min għadu qed jistenna li wliedu wkoll se jgawdu minn trasport b’xejn għall-Iskejjel, jidher li se jibqa’ f’dilemma hekk kif anke l-Ministru Evarist Bartolo ddikjara li jinsab inkwetat.
Aktar mistoqsijiet u nuqqas ta’ garanziji kienu l-punti kruċjali li ħarġu minn konferenza tal-aħbarijiet oħra, indirizzata mill-Ministru tal-Edukazzjoni dwar din il-wegħda tal-Gvern li suppost kellha tagħti servizz tat-trasport b’xejn lil kull student f’kull Skola f’pajjiżna.
Iżda l-Ministru u l-Uffiċjali tiegħu tennew għal aktar minn darba li dan il-proċess għadu mhux finalizzat. Dan minkejja li għal mistoqsija ta’ NET News, il-Ministru Bartolo ddikjara b’solennità li ma nħeliex żmien biex is-servizz ifittex jidħol fis-seħħ.
Madankollu, ftit jiem qabel il-bidu tas-sena skolastika, għad hemm 829 student tal-Iskejjel tal-Knisja jew Indipendenti li għadhom jistennew biex jingħataw servizz tat-trasport b’xejn.
Il-Ministru tal-Edukazzjoni akkuża wkoll li qabel ma ddaħlet din is-sistema, kien hemm każijiet ta’ black market – b’xufiera li ma kienux jagħtu rċevuti għas-servizz li kienu jipprovdu.
Filwaqt li spjega li l-ftehim jorbot lill-Gvern u lill-operaturi għal ħames snin b’rati stabbli, Evarist Bartolo tenna li għas-sigurtà tagħhom, it-tfal se jingħataw ċippa biex il-ġenituri jkunu jafu meta wliedhom telgħu u niżlu mill-vettura.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet, ingħad ukoll kif l-intenzjoni tal-Gvern tibqa’ li dan is-servizz jiddaħħal bil-mod il-mod, fi kliem is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru Frank Fabri, għax inkella l-Gvern kien ikun qed jgħaġġel.
Mistoqsi dwar il-‘pick-up time’ – il-ħinijiet li fihom jinġabru t-tfal biex jittieħdu l-Iskola – il-Ministru Bartolo baqa’ ma tax garanzija lanqas dwar dan. Minflok, irrikonoxxa li l-operaturi jistgħu jużaw il-vetturi tagħhom għal xi xogħolijiet oħra li jkollhom ukoll.
NET News staqsa lill-Ministru xi jwieġeb lil omm inkwetata lil bagħtitilna messaġġ bit-tħassib tagħha … omm li għandha wild ta’ tmien snin li se jkollu jimxi 700 metru minfejn se jitħalla mill-operatur sad-dar jew viċi-versa inkella tal-vann ma jiġbrux. Hi nnotat ukoll kif minkejja t-tnedija ta’ servizz ġdid, il-ġenituri qed jitħallew jaqdfu għal rashom.
Iżda għal dan it-tħassib u oħrajn, il-Ministru Evarist Bartolo wieġeb biss li l-ġenituri li għad għandhom xi diffikultà, għandhom iċemplu l-Ministeru.
Nuqqas ta’ ppjanar serju mill-Gvern iħalli mijiet ta’ studenti mingħajr trasport
Għall-Partit Nazzjonalista, it-tnikkir fil-preparamenti tal-Gvern, biex jipprovdi trasport b’xejn lit-tfal tal-Iskejjel, wassal biex aktar minn 800 student s’issa għadhom mingħajr trasport
Hekk qal il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija, f’isem is-Segretarju Ġenerali u Kelliem għall-Edukazzjoni Clyde Puli, li sostna li dan minkejja li kellu aktar minn sena biex jistudja kif se jimplimenta s-sistema. Iżda issa, il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo kellu jammetti għal darba’oħra li ma laħaqx il-miri tiegħu.
Il-Partit Nazzjonalista innota b’diżappunt li mijiet ta’ studenti u l-ġenituri tagħhom baqgħu f’inċertezza dwar it-trasport tagħhom, anke issa li baqa’ biss ftit ijiem mill-bidu tas-sena skolastika. Il-Partit Nazzjonalista ħeġġeġ lill-Gvern biex jippjana aħjar ħalli jsib is-soluzzjonijiet meħtieġa għall-ġid tal-istudenti u tal-ġenituri tagħhom.
Filwaqt li nnota li l-Gvern baqa’ ma’ laħaqx ftehim għal superviżjoni mat-tfal kollha waqt il-vjaġġ tagħhom lejn l-iskola, il-Partit Nazzjonalista fakkar kif is-sistema ta’ trasport b’xejn għall-istudenti kollha tħabbret mill-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna fil-Baġit għal din is-sena u kienet imwegħda miż-żewġ partiti politiċi ewlenin fl-aħħar elezzjoni ġenerali.
//= $special ?>