Internazzjonali

L-ewwel żjara ta’ Papa fil-Litwanja mill-1993

Il-Papa Franġisku wasal fil-Litwanja għall-bidu ta’ żjara ta’ erbat ijiem fl-Istati Baltiċi. Hu għandu jqatta’ jumejn f’dan il-pajjiż qabel ikompli bil-‘programm ta’ solidarjetà’ tiegħu fil-Latvja u l-Estonja.

Il-President tal-Litwanja, Dalia Grybauskaite, laqgħet lill-Papa fl-ajruport ta’ Vilnius u fejn kien hemm preżenti banda tal-militar u grupp ta’ tfal li kantaw l-innijiet huma u jxejjru l-bnadar tal-Vatikan. Minn hemmhekk il-Papa twassal fil-Palazz tal-Presidenza, f’Vilnius, għall-ewwel diskors tiegħu f’dan il-pajjiż.

Iż-żjara hi l-ewwel waħda ta’ Kap tal-Kattoliċi fil-Litwanja, il-Latvja u l-Estonja mill-1993.

Dawn il-pajjiżi, illum, huma membri taz-zona ewro u n-NATO iżda l-messaġġ ta’ solidarjetà mill-Papa hu wkoll sinifikanti fi żmien meta l-Istati Baltiċi (li fil-passat kienu membru tal-eks-blokk Sovjetiku) qegħdin iħarsu b’ansjetà lejn ir-Russja, li hi l-akbar ġar fir-reġjun, u li l-politika tagħha titqies bħala ‘theddida’ għall-istess pajjiżi.