Is-Segretarju għall-Affarijiet Barranin tar-Renju Unit, Jeremy Hunt, wissa lill-Mexxejja tal-Unjoni Ewropea biex ‘jirtiraw mill-abbiss’ u jevitaw sitwazzjoni fejn il-Britanniċi joħoġu mill-grupp ta’ Stati Ewropej mingħajr ftehim konkret ma’ Brussell.
Ir-Renju Unit għandu jikkonkludi l-proċess tal-Brexit fl-aħħar ta’ Marzu li ġej u Hunt insista li wasal iż-żmien biex l-UE ‘tiddiskuti mal-Britanniċi dwar kif jistgħu jimplimentaw flimkien pakkett ta’ proposti konkreti fl-interess ta’ kulħadd’. Dan wara li l-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May falliet fit-tentattiv biex tipperswadi lill-UE dwar l-effettività tal-proposti tagħha għal relazzjoni futura bejn Londra u Brussell.
Il-proposti kienu miċħuda waqt summit tal-UE f’Salzburg ( fl-Awstrija) u meta l-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk, għamilha ċara li ‘ir-Renju Unit ma jistax jagħżel biss dak li jrid hu biss u li hu tajjeb għalih fiċ-ċirkustanzi’. Intant – waqt li Tusk qal ukoll li ‘jammira lil May’ u li ‘kompromess hu possibbli’ — Jeremy Hunt wissa lill-President tal-Kunsill Ewropew biex ‘ma jrewwaħx it-tensjoni bla bżonn’.
Il-Gvern Britanniku, f’Lulju, kien qabel dwar il-pjan ta’ Theresa May għall-Brexit – magħruf bħala ċ-Chequers Agreement. Iżda l-mexxejja tal-UE mhumiex jaċċettaw parti kbira tal-pjan u qed jgħidu li l-partnership ekonomiku ġdid li May qed tipproponi ‘mhix se taħdem, minbarra li kapaċi taffettwa ħażin lill-kunċett tas-suq ħieles’.
//= $special ?>

