Persuni armati fl-Iran fetħu n-nar fuq il-membri ta’ parata militari li kienet għaddejja fil-belt ta’ Ahvaz. Fl-attakk terroristiku inqatlu talanqas 30 persuna, fosthom ċivili, waqt li sfaw midruba għexieren oħra ta’ nies f’dik iz-zona.
Intant, il-qawwiet tas-sigurtà qatlu tnejn mill-qattiela – li kienu parti minn grupp ta’ erba’ – bit-tnejn l-oħra jisfaw arrestati. Aktar tard, grupp Għarbi lokali li qed jirreżisti lill-Gvern Iranjan u l-ISIS it-tnejn ħadu responsabbiltà għall-massakru iżda dawn ma produċew l-ebda provi li setgħu jissostanzjaw kliemhom.
Ir-rapporti qalu li l-aggressuri, li kienu lebsin l-uniformijiet militari, bdew jisparaw għal fuq min ġie quddiemhom meta huma kienu qegħdin ġo park qrib ħafna ta’ fejn kienet għaddejja l-parata.
L-ewwel kummenti wara l-attakk kienu tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin Iranjan li akkuża ‘terroristi li kienu appoġġjati minn reġim barrani’ għad-dmija.Fl-istess ħin, il-media tal-Iran qed twaħħal dan l-attakk fil-militanti Sunniti u ‘l-estremisti Għarab’ .
L-indikazzjonijiet huma li l-aggressuri, l-ewwel, sparaw lejn iċ-ċivili preżenti għall-parata qabel ippruvaw jattakkaw lill-uffiċjali militari Iranjani li kienu fuq palk, huma u jassistu għall-avveniment f’Ahvaz.
Il-Ministru Iranjan għall-Affarijiet Barranin, Javad Zarif, sostna li ‘l-Iran qed iżomm responsabbli lill-isponsors tat-terroristi fir-reġjun, u lill-mexxejja Amerikani tagħhom’.
L-Iranjani kemm il-darba akkużaw lill-Arabja Sawdija – ir-rivali kbir tagħhom fil-Golf – b’li qed taġixxi bħala sponsor ta’ elementi fost il-minoranza Għarbija residenti fl-Iran, li, fost oħrajn, qegħdin jixprunaw attività separatista.
Fil-belt ta’ Ahvaz, is-sena l-oħra, kien hemm id-dimostrazzjonjiet kbar kontra l-Gvern Iranjan, fejn il-folol esprimew għadab għall-fatt li l-livell tal-għajxien tagħhom kien qed jaqta’ lura. L-Iran, fil-preżent, qed ifakkar l-anniversarju tal-bidu tal-gwerra tal-1980-88 mal-Iraq, permezz ta’ diversi parati militari f’numru ta’ bliet.
//= $special ?>

