Lokali

Nofs seklu jgħaddi minn fuq l-Istamperija, id-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista

Din ir-roqgħa art f’Tal-Pietà, fl-inħawi tal-Ħamrun u Gwardamanġa li fuqha nbniet mill-Ministru Nazzjonalista Carmelo Caruana l-ewwel Stamperija tal-Partit Nazzjonalista u aktar tard din tal-lum aktar moderna, magħrufa wkoll bħala d-Dar Ċentrali, kif ukoll minn fejn jitmexxa dan il-partit, issa għalqet ħamsin sena. Nofs seklu.

Qed ngħid l-ewwel stamperija għax jidher li minħabba li din ma kenitx, f’għajnejn xi wħud tilħaq għal ħtiġiet tal-PN f’dak iż-żmien, kien deċiż li din titwaqqa’ u fuq l-istess art tinbena oħra fi struttura u għamla differenti  u li bdiet tissejjaħ id-Dar Ċentrali fl-2008. Sadattant din tal-lum xorta baqgħet magħrufa minn ħafna, fosthom l-attivisti bħala l-Istamperija.

Fl-opinjoni tiegħi u ta’ ħafna dan kien żball għax intilef il-valur tal-ewwel waħda u mal-valur intilfu rabtiet u għeruq antiki fl-istess Partit Nazzjonalista. Imma dak qed tiġġudikah l-istorja kontemporanja kif ukoll dik li għad tiġi fil-ġejjieni.

X’seta’ biss  ġara

Li seta’ ġara kien biss, li tiffonda l-art u tiżdied magħha d-dar li nxtrat li kien jisimha Lelluxa fi Triq Mountbatten u jinbnew kemm meħtieġa sulari fuq dak eżistenti. Kellha ġebla mill-aqwa barrieri tal-Imqabba u kulma riedet tibdila kbira flimkien ma’ refurbishment. Imma hekk kellu jkun, b’sogħba! U l-valur kien jibqa’ hemm, mar-rabtiet.

Sadattant għaddew għexieren ta’ snin li raw fiha minn kull xorta ta’ ferħ, qtigħ il-qalb, niket, inkwiet, rebħiet, telfiet u dak kollu li ħajja politika taf iġġib magħha kemm fil-PN kif ukoll fl-Istamperiji, jew kif kienet ukoll magħrufa l-ewwel waħda l-Indipendence Press, Independence Print u d-Dar Ċentrali.

Dawn iż-żewġ binjiet raw mijiet, jekk mhux eluf ta’ ħaddiema u volontiera ta’ kull xorta ta’ sengħa u professjoni. Raw ħaddiema tal-id kif ukoll tal-moħħ li taw sehemhom ftit wara li Malta kienet kisbet l-Indipendenza biex isaħħuha, raw ħaddiema biex Malta kisbet il-Ħelsien tagħha, raw ħaddiema biex Malta daħlet fl-Unjoni Ewropea u aktar tard, biex qalbet għall-Ewro.

19 ta’ April 1968

Minn dawn il-binjiet issawwru u ttieħdu mijiet ta’ deċiżjonijiet politiċi b’risq il-PN biex il-Partit Nazzjonalista mexa ’l quddiem flimkien ma’ Malta, speċjalment meta l-partit kien fil-Gvern. Mhux dejjem kienu żmenijiet ward u żahar għall-PN iżda b’xi mod, dejjem irnexxielu jibqa’ miexi ’l quddiem u jaqbeż kull ghawġ.

Il-makni tal-ewwel stamperija bdew iduru fid-19 ta’ April 1968 fil-preżenza tal-Ministru Carmelo Caruana, Deputati u uffiċjali oħra tal-PN. L-ewwel ma ħadmet kienet l-Intertype, verżjoni ġdida tal-Linotype u bil-mod il-makni l-oħra tal-istampa.

Fl-istess żmien ta’ sentejn jobbing waslet il-gazzetta Il-Poplu mil-Lux Press li kienet toħroġ darba fil-ġimgħa u f’xi okkażjonijiet aktar minn darba. Fl-1970 wasal il-ġurnal ta’ kuljum In-Nazzjon Tagħna. Imbagħad komplew jinħarġu il-mument ta’ nhar ta’ Ħadd, The Democrat bl-Ingliż u In-Niggieża umoristika ta’ darba fil-ġimgħa.

18-il sena wara taħt it-tmexxija ta’ John Dalli tneħħew il-Linotypes u daħlet l-ewwel sistema kompjuterizzata tal-Phototypesetters, makni kompjuterizzati li kienu jaħdmu id f’id mal-fotografija.

Aktar tard kollox inqaleb għall-kompjuters bl-introduzzjoni ta’ Kamra tal-Aħbarijiet (Newsroom)  waħda li fiha kien hemm it-taqsimiet kollha tal-kitba: reporters f’taqsima għalihom,  features, tajpisti, proofreaders (għax sa dak iż-żmien is-sistema tal-korezzjoni tal-kitba kienet għadha tinqara fuq il-karta mhux bħal-lum kompjuterizzata u għalhekk dawn illum saru jissejħu Qarrejja tal-Kitba jew sub-editors), edituri, assistenti edituri, kulħadd f’Kamra tal-Aħbarjiet waħda.


Tliet sistemi ta’ xandir taħt saqaf wieħed

Is-sistemi tal-istampa wkoll inbidlu għal dawk tal-kulur kemm biċ-ċomb kif ukoll bl-offset.

Fl-istess binja antika twaqqaf Radio 101 fis-sulari ta’ fuq wara l-palk, u aktar tard fuq Triq Mountabatten NET Television. Tliet sistemi ta’ xandir li jwasslu l-messaġġ tal-PN f’binja waħda. B’koordinazzjoni waħda li jgħinu kemm jistgħu lil xulxin. Tliet sistemi ta’ xandir u dan l-aħħar magħhom żdiedet dik on line diġitali fuq il-portal net news li biha ntlaħqet ukoll is-social media.

Dawn iż-żewġ binjiet ħadmu taħt gvernijiet differenti kemm dawk Nazzjonalisti kif ukoll Laburisti. L-ewwel binja, speċjalment, rat bosta ġrajjiet koroh li llum intesew u mn’Alla kien hekk u ma jidhirx li k’alla jrid għad il-ġdida tara bħalhom. Għax in-nies immaturaw.

Matul dawn is-snin kienu bosta l-Managers u d-Diretturi Editorjali li mexxew dan il-kumpless kif ukoll Edituri.

Bħala Managers l-ewwel wieħed kien Duminku Lofaro, warajh Pawlu Floridia, Paul Spiteri u aktar tard Maurice Galea, Joe Camilleri, Ino Harrison u Frank Galea.

L-Edituri tal-ġurnali jew gazzetti kienu: In-Nazzjon: Michael Schiavone, Victor Camilleri, Joe Zahra, Mario Schiavone, Joe Cachia, Alex Attard, Nathaniel Attard  u dak tal-lum Joe Cassar.

Il-Mument: Michael Refalo, Michael Schiavone, Victor Camilleri, Roderick Agius u dak tal-lum Alex Attard.

The Democrat: Michael Falzon, Mario Schiavone, Tony Mallia u Charles Callus.

In-Niggieża:  Joe Calleja.


Flimkien ma’ dawn kien hemm Aġenti Edituri ta’ In-Nazzjon: Michael Caruana li serva fit-tul ukoll bħala Head of News u Direttur Editorjali, kif ukoll Hector Bruno, Charles Spiteri, Simon Vella Gregory u Pio Dalli.

Kollha ħadmu bla heda b’risq ġurnaliżmu li jagħti servizz tajjeb lill-qarrejja fi żmenijiet sbieħ u koroh.

Ħamsin sena. Nofs seklu. Nofs ħajjet bniedem. Ħajr lil dawk kollha li taw sehmhom biex twaqqfet il-binja l-antika li kellha l-istorja tagħha li kemm stajt fil-qosor tajt tagħrif dwarha, kif ukoll awguri għal dawk li llum qed imexxu din il-binja ġdida biex huma wkoll, bħal dawk ta’ qabilhom, jaħdmu qatigħ biex il-PN jerġa’ jikseb suċċessi u jsib saqajh u biex jaħdmu b’risq Malta għal żmenijiet minn l-aqwa.

Ħamsin sena oħra jalla jkun hemm min japprezza dan ix-xogħol li sar f’dawn l-aħħar ħamsin sena li għaddew minn fuq l-istamperiji tal-PN bħal leħħa ta’ berqa u li għaddew bis-sabiħ u l-ikrah tagħhom. Jalla l-aħħar binja tara wkoll żmenijiet aktar sbieħ u mill-aqwa.

Miktub minn George Maggi