Lokali

Simpożju dwar l-iżvilupp fir-raħal Malti tul is-snin

Tmien akkademiċi u riċerkaturi se jkunu qed jipparteċipaw f’simpożju, li se jinżamm fl-20 ta’ Ottubru fil-Mużew tal-Arkeoloġija, dwar l-iżvilupp tar-Raħal Malti f’diversi perjodi tal-istorja.

F’konferenza tal-aħbarijiet kien spjegat li bis-simpożju, organizzat kull sentejn mill-organizzazzjoni Wirt iż-Żejtun, wieħed ikun jista’ japprezza aktar in-nisġa tal-irħula antiki, kif ukoll il-valur storiku, urban u artitettoniku.

Se jingħataw ukoll informazzjoni dwar numru ta’ mapep, li juru l-iżvilupp tul iż-żmien għall-inħawi taż-Żejtun u l-madwar. Se tkun ippreżentata wkoll riċerka dwar kif is-sors tal-ilma fiż-Żminijiet tan-Nofs influwenza l-abbitazzjoni u l-agrikultura fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta.

Fost l-oħrajn, se tkun diskussa wkoll l-influwenza tal-ħakma Ingliża fuq ir-Raħal Malti u l-effett li ħalliet l-Indipendenza.

Wirt iż-Żejtun stiednet lill-Professur Brian Blouet bħala l-mistieden ewlieni, magħruf l-aktar għall-ktieb “The Story of Malta”. Hu jgħallem il-Ġografija  għadu għaddej bir-riċerka dwar pajjiżna.

Is-simpożju se jkun inawgurat mill-Ministru Owen Bonnici.