Futbol Sport

1/5 – Inħoss li għamilt tajjeb li għidt le imma għalihom l-importanti li tirrapporta

L-intervista sħiħa tinsab fil-ħarġa ta' Il-Mument f'paġni 41, 42 u 43

Il-każ marbut mal-partita tat-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena kontra l-Montenegro fl-2016 żgur li ħasad il-futbol Malti u żgur li ħalla impatt fuq il-karriera ta’ dawk li b’xi mod kienu fit-tim f’dik il-logħba.

Fost dawk li spiċċaw milquta minn dan il-każ, hem id-difensur ta’ 24 sena Samir Arab. Hu ngħata sospensjoni ta’ sentejn għaliex minkejja li ma aċċettax li jirranġa l-logħba, ma rrappurtax lill-awtoritajiet. Wara li l-appelli tiegħu għas-sentenzi ma kinux milqugħa, iltqajt ma’ Samir biex jitkellem dwar din l-esperjenza li hu jħoss li kienet inġusta miegħu.

Hu qalli li  “tkun tixtieq tirrapporta. Jien xtaqt ħafna nirrapporta imma m’hemm protezzjoni ta’ xejn. L-unika każ li konna nafu bih aħna kien ta’ Andrea Cassar. Kulħadd jaf minn xiex għadda. Jien meta l-pulizija kien għajjatli, kont għidtlu jekk inkun naf xi ħaġa u niġi għandek, għidtlu nista’ nibqa’ anonimu. Qalli ma tkunx tista’ tibqa’ anonimu għax tkun trid tixhed. Għidtlu tiggarantili kieku li ma jiġrilix xejn, qalli nagħmillek protezzjoni u hekk.”

Hu sostna li l-punt kruċjali ta’ dan kollu hu li mhux għax ma tkunx trid tirrapporta imma x’se jiġri wara li tirrapporta, minħabba biża’ ta’ konsegwenzi. “Jien nemmen li hawn min irrapporta u jiddispjaċih li rrapporta għax ikun għadda minn ħafna.”

B’rabta ma’ dan il-każ, teżisti sħaba sewda fuq dak il-grupp tat-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena li fil-verità għamel rekord minħabba li temm il-grupp ta’ kwalifikazzjoni b’rekord ta’ 11-il punt. Samir Arab ma jaħsibx hekk fejn isostni li n-nies għandhom ikunu kburin b’dan il-grupp minħabba li l-logħba pruvat tiġi mmanipulata, b’irranġar ta’ logħba li fil-verità ma kinitx diffiċli. Mhix l-ewwel darba li t-tim Malti spiċċa tellief u b’riżultati partikolari.

Samir Arab tkellem fuq il-kummenti li jgħaddu n-nies fejn qal li wieħed faċli jgħid li jrid u evita milli jara l-kummenti għaliex uħud minnhom kienu kattivi bħal “dawn ħaqqhom għomorhom.” Fil-fatt hu l-anqas ma ried jaqra r-rapport tal-UEFA.

Dan il-każ bidilli ħajti. Ikun hemm mumenti fejn tinfaqa’ tibki waħdek. Inħoss li għamilt tajjeb li għidt LE imma huma għalihom l-importanti li tirrapporta. Imisshom jgħidu SAY YES TO REPORTING, SAY NO TO MATCH FIXING IS NOT ENOUGH.

Hu kompla li tilef ħafna fiduċja fil-UEFA għaliex ma kinux stmati tajjeb u saħaq li għandhom abbuż ta’ poter minħabba li huma jaħdmu li jridu jneħħu l-ħażin u miegħu jeħel it-tajjeb. Hu saħaq li jgħidu biex jirrapporta imma l-plejers iridu garanzija li jrid ikun protett, u żied li jistennew wisq mingħandhom meta ma hemmx protezzjoni ta’ xejn.

“Jekk persuna tirrapporta xahar wara, ngħidilha oqgħod kwieta għax mhux se jirrispettawk. Kont nibża’ u bżajt anki meta kelli ngħid kollox lill-pulizija, imma sibt il-kuraġġ ma nafx minn fejn ġie u għidtilhom kollox. Kieku kont naf bl-app irrapportajt.”

Hu kompla li l-MFA ma tridx tirrapporta anonimu għax mhux biżżejjed għaliha u l-pulizija tgħid li ma għandix biżżejjed riżorsi biex tiġġieled il-korruzzjoni. Hu saħaq li huma intużaw bħala mill-UEFA ‘scapegoats’.

Hu jħossu diżappuntat li minħabba li qal LE għall-korruzzjoni spiċċa biex il-ħolma tiegħu li jilgħab mat-tim nazzjonali tal-kbar issa saret diffiċili. Sa issa Arab kellu biss sejħiet mal-iskwadra ewlenija u kien qed ikun mgħajjat sakemm ħarġet is-sentenza tas-sospensjoni.

“Huma ħolm li tkun ħdimt għalih u jaf taru mar-riħ. Ma nafx jekk nidħolx tajjeb u nerġa’ niġi fil-livell li kont. Meta nidħol ikolli 25 sena kważi 26. Nidħol lura għat-taħriġ f’Ottubru tas-sena d-dieħla u nerġa’ nibda nilgħab f’Jannar.”

Id-difensur saħaq li hu mhux persuna li jaqta’ qalbu u mentalment iħossu b’saħħtu.