Futbol Sport

2/5 – Il-UEFA Integrity App li ħadd ma jaf biha

It-tieni parti tal-intervista ma' Samir Arab li dehret fil-ħarġa ta' Il-Mument

Waħda mill-inizjattivi tal-UEFA biex tiġġieled l-irranġar tal-logħob hi dik imsejħa bħala l-UEFA Integrity App li tnediet f’Settembru tal-2014. Ħames snin qabel kienet inħolqot dik li bl-Ingliż tissejjaħ UEFA Betting Fraud Detection System li ssegwi aktar minn 32,000 logħba fl-Ewropa kull sena.

F’dawn il-materji l-edukazzjoni hi vitali u assoċjazzjoni bħal UEFA tagħti diversi preżentazzjonijiet lill-plejers żgħażagħ, referees u kowċis biex twissi dwar il-perikli marbuta mal-manipulazzjoni tal-logħbiet tal-futbol.

L-Integrity App hi għad-dispożizzjoni b’seba’ lingwi differenti fuq iPhone, iPad u Android, u tista’ titniżżel b’xejn fl-App Store (iPhone) u f’Google Play (Android). Hemm ukoll numru freephone (+800 0001 0002).

“Li kont naf biha kont nasal nirrapporta, imma ħadd ma kien jaf biha, ħadd qatt ma semmieha fil-futbol Malti.”

Din l-app fiha minjiera ta’ informazzjoni dwar il-manipulazzjoni tal-logħob, fosthom filmati, sezzjoni ta’ mistoqsijiet mistoqsija frekwenti u l-aħħar aħbarijiet marbuta mal-integrità. Din is-sistema tinkludi l-possibbiltà li wieħed jirrapporta inċidenti ta’ irranġar ta’ logħob u korruzzjoni, kif ukoll aċċess għal sezzjoni personali biex dak li jkun jikseb risposti eventwali li l-UEFA tista’ tagħti.

Fil-bidu din kienet għad-dispożizzjoni tal-plejers, referees u kowċis biex jirrapportaw direttament lill-UEFA kull inċident direttament relatat mal-irranġar tal-logħob. Erba’ snin ilu din is-sistema nfirxet biex tagħti ċ-ċans lil kull persuna li għandha informazzjoni importanti marbuta ma’ dan is-suġġett biex tipprovdi l-informazzjoni lill-UEFA.

Dawk li jkunu jridu jistgħu jagħmlu rapport b’mod anonimu u kompletament kunfidenzjali. Din l-Integrity App tagħti ċ-ċans li anki min jagħmel ir-rapport u jkun irid jibqa’ anonimu, jista’ jsir djalogu ma’ persuna bl-użu ta’ numru personali u password.

Ikolli nistqarr li jien ma kontx naf li l-UEFA għandha din is-sistema u smajt biha proprju mingħand Samir Arab. Hu qalli li l-UEFA għandhom app kif tista’ tirrapporta anonimu.

“Li kont naf biha kont nasal nirrapporta, imma ħadd ma kien jaf biha, ħadd qatt ma semmieha fil-futbol Malti.” Hu staqsa għaliex ħadd qatt ma qal xejn dwarha u żied li jekk b’dan il-mod tkun tista’ tagħti ċertu dettalji minn qabel li bihom ikun hemm avviż lil nies responsabbli ta’ x’jista’ jiġri. Staqsejt jekk l-MFA kinitx taf biha, hu qal “ħa ngħidu li l-MFA qatt ma qaltilna biha.”

Arab żied li l-UEFA ma tagħtix struzzjonijiet lill-Integrity Officers x’għandhom jgħidu imma saħaq li hu f’idejn l-assoċjazzjoni biex jgħidu huma fuq is-suġġett, filwaqt li ma kienx hemm reklamar fuq din l-app.