Lokali

Adrian Delia jżur il-maratona b’riżq il-Fondazzjoni Nazaret

Ritratt: Martin Agius
Il-Fondazzjoni Nazaret bi pjanijiet għar-raba’ dar tagħha

Dun Anġ Seychell huwa abbinat maż-Żejtun u l-Fondazzjoni Nazaret hekk kif lura fl-1955 waqqaf Dar Nazaret bil-għan li sservi ta’ kenn ta’ mħabba fil-komunità għal dawk li m’għandhomx familja jew li m’għandhomx l-abbiltà li jgħixu mal-familji tagħhom.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, flimkien ma’ għadd ta’ deputati Nazzjonlisti, matul l-għodwa tal-Ħadd żar il-maratona b’riżq din il-fondazzjoni bit-tema “Dawn huma ħutna Maltin”. F’appell lill-Maltin biex ikunu ġenerużi mal-Fondazzjoni Nazaret, Adrian Delia radd ħajr għax-xogħol siewi li tagħmel biex tagħti l-aqwa lir-residenti. Il-fatt li r-residenti jintegraw fil-qalba tal-komunità Żejtunija, u għalhekk fis-soċjetà Maltija, tgħin lill-istess soċjetà tkun tolleranti aktar lejn l-individwaliżmu u l-persuni b’diżabbiltà fost l-oħrajn. Huwa permezz ta’ organizzazzjonijiet bħall-Fondazzjoni Nazaret li joffru tama u jagħtu serħan il-moħħ lill-ġenituri dwar x’jiġri minn uliedhom jekk jiġu nieqsa.

Anġlu Zahra, Amministrattur tad-Dar Nazaret u President tal-Bord li jħares it-3 idjar tal-Fondazzjoni, elebora magħna dwar il-ħidma tal-Fondazzjoni Nazaret:

“Il-Fondazzjoni bħalissa tieħu ħsieb 28 resident bi bżonnijiet speċjali. Biss biss, biex induru bihom, għandna 30 impjegat full-time. Is-salarji biss iġennuk. Ifhimni l-Gvern jgħin imma mhux biżżejjed. Huma maratoni bħal dawn li jsostnu aktar din il-Fondazzjoni, grazzi għall-ġenerożità tal-Maltin li jkun lest jgħin lil min hu fil-bżonn.”

Apparti t-3 idjar, il-Fondazzjoni għandha workshop li fiha dawk ir-resident li la jaħdmu u jistudjaw, jitgħallmu ħiliet ġodda.

Zahra temm jitkellem dwar x’proġetti dieħla għalihom il-Fondazzjoni:

“Bħalissa għandna proġett enormi biex nibnu r-raba’ dar. Qlajna dar antika li mhix tajba biex joqgħodu n-nies ġo fiha ħa niftehmu. Allura qed nikkalkulaw li rridu €300,000 biex inwaqqgħuha u nibnuha mill-ġdid. Qed induru fuq il-poplu biex jgħinna biex din il-ħolma ssir realtà.”

NET Television qed jagħti s-sehem tiegħu wkoll billi jxandar din il-Maratona, li se tibqa’ għaddejja sal-ħdax u nofs ta’ filgħaxija.