Anthony Joshua ddefenda t-titli heaveyweight tad-dinja wara li għeleb lil Alexander Povetkin b’knock-out wara li r-Russu poġġieh taħt pressjoni fi ġlieda li saret f’Wembley. L-istilla Britannika għeleb lil Povetkin fis-seba’ rawnd u reġa’ tefgħu mal-art biex il-ġlieda ntemmet mill-ewwel u kiseb it-22 rebħa professjonali fil-karriera.
Hekk kif irritorna fix-xena wara r-rebħa kontra Wladimir Klitschko, kien hemm aktar mumeni ta’ tħassib għal Joshua hekk kif kien imweġġa’ u sabha diffiċli fl-ewwel rawnds, sakemm issielet biex sar l-ewwel boxer li waqqaf lil Povetkin.
Fl-ewwel ftit minuti, Povetkin poġġa lil Joshua f’diffikultà b’hooks xellugin. Id-demm beda nieżel minn imnieħer Joshua, b’Povetkin jistenna għal mument ieħor fit-tieni rawnd fejn ukoll irnexxielu b’hook oħra.
Id-difiża ta’ Joshua kienet għadha mhux brillanti u kienet faċli għal Povetkin biex jippenetra fit-tielet rawnd hekk kif kien perikoluż b’diversi daqqiet, iżda l-Britanniku beda jirkupra ftit ftit. Joshua rnexxielu jagħti daqqa ta’ minkeb li wasslet għal qata’ f’għajnejn il-leminija ta’ Povetkin fir-raba’ rawnd, b’Joshua jipprova jisforza lill-avversarju.
Povetkin ma kienx se jinżel daqshekk faċli hekk kif beda juża ż-żewġ idejn fil-ħames rawnd b’diversi hooks, iżda Joshua beda juża siequ tajjeb u nnewtralizza lill-veteran fis-sitt rawnd b’daqqa tajba bix-xellug.
Wara li deher li sab kaptu tar-Russu, Anthony Joshua laqat tajjeb b’daqqa bil-lemin u wara b’hook bix-xellug u oħra bil-lemin li wasslu biex saqajn Povetkin ċedew u waqa’ mal-art. Povetkin prova jitla’ parzjalment prattikament sturdut b’Joshua jagħti diversi daqqiet konsekuttivi biex ir-referee temm il-logħba.
//= $special ?>