Futbol Sport

Chelsea miżmuma minn West Ham

Ir-raba’ rebħa għal Arsenal

Chelsea naqsu li jibqgħu b’punti massimi meta temmew id-derby ta’ Londra fi draw ta’ 0-0 kontra West Ham. Wara li rebħu l-ewwel ħames logħbiet tagħhom fil-kampjonat taħt Maurizio Sarri, Chelsea naqsu li jkunu ċiniċi fl-attakk, b’Eden Hazzard ikun mgħasses tajjeb mill-avversarji.

West Ham kellhom ukoll okkażjonjiet ta’ skor fejn żgur inħasset l-assenza ta’ Marko Arnautovic li kien imweġġa’. Ċans kbir li kellhom kien żgur dak ta’ Andriy Yarmolenko li xeħet barra bir-ras mill-viċin. B’dan il-punt, West Ham issa kisbu erba’ punti kontra Everton u Chelsea wara li bdew l-istaġun b’erba’ telfiet.

Arsenal kisbu r-raba’ rebħa konsekuttiva fil-Premier League meta għelbu lil Everton 2-0. Dan ir-riżultat ifisser li Arsenal rebħu ħames rebħiet wara xulxin jekk wieħed iqis il-logħba fl-Europa League u jinsabu fis-sitt post, b’Everton isofru telfa oħra u jinsabu fit-12-il post.

Alexandre Lacazette fetaħ l-iskor fis-56 minuta b’xutt b’saħħtu u imdawwar li spiċċa fir-rokna ta’ fuq tax-xibka. Arsenal irduppjaw tliet minuti wara meta Mesut Ozil daħal fil-kaxxa u qassam lejn Aaron Ramsey li kompla lejn Pierre-Emerick Aubameyang li mill-ewwel xeħet ġewwa.