SWIEQI U. …………………… 1 MQABBA ……………………… 1
Swieqi: J.C. Debattista, M. Camilleri (K. Ekezie 63’), J.L. Cassar, M. Attard (J. Scerri 73’), K. Muscat, G. Bugeja, M. Vella, K.V. Olowoyo, T. Ebenezer, S. Bugeja, N. Schembri (I.A. Margarit 67’).
Mqabba: J. Debono, R. Da Silva Gomes, L. Mallia (C. Cutajar 85’), D. Vukovic, G. Micallef, T.A. Leite (L. Suma 77’), B. Grech, D. Aquilina (L. Meli 73’), W. Borg, D. Azzopardi, M. Kayumba.
Referee: Mario Apap
Mingħajr dubju li dawn l-ewwel logħbiet ta’ dan l-istaġun huma karatterizzati mill-bilanċ, kważi iktar minn qatt qabel li hemm bejn it-timijiet ta’ din il-kategorija. Eżempju ċar ieħor kien dan il-konfront fejn ir-riżultat kien mill-iktar ġust anki jekk forsi Swieqi kien ħaqqhom xi ħaġa aħjar.
L-ewwel azzjoni kienet ta’ Swieqi bix-xutt ta’ Olowoyo wara seba’ minuti jgħaddi ftit barra. Tliet minuti wara Swieqi kienu sfortunati li ma fetħux l-iskor meta xutt ieħor ta’ Olowoyo stampa mal-mimduda.
Minkejja dawn l-azzjonijiet min-naħa ta’ Swieqi, fit-18-il minuta kienu Mqabba li fetħu l-iskor meta f’azzjoni veloċi, Gianfranco Micallef krossja fil-baxx lejn DARIO AQUILINA u dan minn żewġ passi bogħod ma kellu ebda diffikultà jitfa’ l-ballun fix-xibka. Swieqi kellhom reazzjoni pjuttost fjakka u resqu biss qrib meta xutt ta’ Nicholas Schembri li ġie salvat minn Debono.
Wara l-mistrieħ Mqabba ħarġu jfittxu t-tieni goal u fis-56 minuta xutt ta’ Dejan Vukovic ħabat ma’ Larson Mallia u l-ballun ġie kklerjat mid-difiza. Fil-75 minuta Swieqi għamlu l-iskor indaqs meta Jake Scerri ġie mwaqqa’ fil-kaxxa minn Rafael da Silva Gomes, ir-referee ordna penalty li minnu ION ALIN MARGARIT ma żbaljax.
Dan il-gowl ta aktar kuraġġ lill-plejers ta’ Swieqi li erba’ minuti mit-tmiem resqu viċin li jiskurjaw il-gowl tar-rebħa minn xutt ta’ Ion Alin Margarit li iżda għadda ftit barra.
Marsa jiksbu l-ewwel rebħa
MARSA ……………………….. 1 SAN ĠWANN ………………. 0
Marsa: K. Brincat, S. Darmanin, M. Busuttil, N. Moyck, R. Da Fex Marriaga, C. Cassar (E. Grech 89’), E. Cutajar, W. Chircop (M. Gauci 50’), N. Anthony Micallef, A. Agius, L. Chiedozie.
San Ġwann: A. Camilleri, K.R. Bailey, J. Azzopardi, J. Bowman, A. Cachia, A. Borg (A. Abela 85’), N. Abouhaisa (J.P. Attard 68’), K. Gatt, J. Tanti, N. Melo Ferreira (P. Kanzurov 79’), G. Henshaw.
Referee: Ishmael Barbara
Marsa kisbu l-ewwel rebħa tal-istaġun meta għelbu lil San Ġwann grazzi għal gowl ta’ Lawrence Chidozie fl-ewwel fażi tal-logħba, riżultat li kien ifisser it-tieni telfa konsekuttiva għal San Ġwann.
Bidu tajjeb għal San Ġwann li resqu qrib fir-raba’ minuta b’xutt ta’ Henshaw jmur barra wara azzjoni ta’ Jan Tanti. San Ġwann komplew jinsistu u ftit wara xutt ta’ Jan Tanti ġie mxellef għal korner minn plejer ta’ Marsa u mill-korner, l-istess Tanti bidel il-ballun ma’ Melo Ferreira u x-xutt ta’ Tanti ġie salvat minn Keith Brincat.
Ftit wara l-Marsin kellhom ċans tajjeb iżda Lawrence Chiedozie naqas li jikkonkludi bir-ras meta kien f’qagħda ideali. Fil-11-il minuta LAWRENCE CHIEDOZIE patta għal dan iċ-ċans mitluf meta wara li rċieva pass fil-kaxxa qabbeż il-ballun minn fuq il-gowlkiper Camilleri li kien ħareġ jagħlaq l-angolu.
San Ġwann pruvaw jagħmlu reazzjoni u fil-15-il minuta xutt djagonali ta’ Godwin Blessing għadda tul il-lasta u l-ballun baqa’ sejjer barra.
Fis-27 minuta azzjoni ta’ Marsa u xutt finali ta’ Darmanin kien salvat bi bravura mill-gowlkiper ta’ San Ġwann. Marsa komplew jattakkaw u f’temp ta’ minuta darbtejn resqu viċin li jirduppjaw meta xutt ta’ Chiedozie għadda ftit għoli u tentattiv ta’ Sean Darmanin għadda ukoll ftit għoli.
Ftit wara n-nofs siegħa logħob kienu San Ġwann li resqu viċin meta Josuael Azzopardi qassam fit-tul lejn Nezar Abouhaisa, dan qassam lejn Kyle Gatt u x-xutt ta’ dan ġie salvat minn Brincat. Fl-40 minuta Marsa setgħu faċilment irduppjaw meta Andrea Camilleri ħareġ ħażin wara korner ta’ Neil Anthony Micallef u minn taħt il-lasta d-daqqa ta’ ras ta’ Christian Cassar għaddiet ftit għoli.
Fit-tieni taqsima l-andament tal-partita baqa’ l-istess b’San Ġwann jersqu viċin fil-55 minuta meta xutt minn qagħda tajba ta’ Nezar Abouhaisa wara kross ta’ Kyle Gatt għadda ftit barra.
Wara din l-azzjoni l-logħob żvolġa l-aktar f’nofs il-grawnd sakemm fit-72 minuta f’attakk ta’ Marsa, Lawrence Chiedozie krossja lejn Rafael da Fex Marriaga u x-xutt minn barra l-kaxxa ta’ dan ġie salvat minn Camilleri. Erba’ minuti minn tmiem il-partita Marsa kienu sfortunati li ma rduppjawx meta xutt b’saħħtu ta’ Mark Gauci ħabat mal-mimduda.
//= $special ?>