Lokali

FILMAT: Il-ħames anniversarju mit-twaqqif ta’ Nanniet Malta

In-nanniet b'mixja fit-toroq ewlenin tal-Belt Valletta

Kien it-23 ta’ Settembru tal-2013 meta għadd ta’ nanniet, immexxija minn Philip Chircop, irħewlha lejn il-Palazz Presidenzjali b’talba lill-President ta’ Malta, dak iż-żmien, George Abela, sabiex titwaqqaf il-Fondazzjoni Nanniet Malta taħt il-patroċinju distint tiegħu.

L-istess Fundatur, Philip Chircop, elabora magħna dwar ħidmet il-Fondazzjoni fost in-nanniet tagħna:

“Minn dakinhar ma ħarisniex lura u bdejna organizzaw attivitajiet soċjali li jippromwovu anzjanità attiva. L-iktar importanti hi li nnisslu t-tbissima fuq fomm in-nanniet tagħna, li xi kultant ikunu mweġġgħin għax jiċċaħħdu milli jaraw lin-neputijiet tagħhom, u anki fuq fomm dawk li huma vulnerabbli, waħedhom fid-djarhom u djar tal-anzjani. Irridu nindirizzaw is-solitudni, li hija pjaga fost in-nanniet tagħna għaliex iħossuhom waħedhom, mitluqin u niddejjaq ngħidha imma hija realtà, kultant ikunu abbandunati anki mill-familjari tagħhom.”

Jum il-Fondazzjoni tfakkar f’nhar il-5 anniversarju l-Ħadd filgħodu b’mixja fit-toroq prinċipali tal-Belt Valletta. Din bdiet fl-10 ta’ filgħodu minn Pjazza Kastilja u ntemmet fi Triq ir-Repubblika quddiem il-binja tal-Parlament. Moto Guzzi Malta Club offrew rikba bil-muturi lill-anzjani madwar il-Belt f’din il-mixja, li kienet animata mill-banda tal-1st. Qormi Scout Group.

Preżenti għall-attività kien hemm bosta nanniet fosthom il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Anzjanità Attiva, Maria Deguara, li tkellmet magħna fuq liġi li din il-Fondazzjoni qed titlob li tiġi emendata:

“Waħda mill-aktar affarijiet li Fondazzjoni Nanniet Malta ilha tisħaq tul din is-sena hi li l-Parlament Malta jemenda l-liġi biex in-nanniet jingħataw id-dritt li jitħallew jaraw lin-neputijiet tagħhom, irrispettivament mill-problemi familja li hemm.”

Din il-petizzjoni se tiġi mressqa t-Tnejn fil-Parlament f’sessjoni speċjali għan-nanniet.

Maria Deguara temmet tappella lill-Gvern għal sforz akbar biex jintegraw l-anzjani kollha fis-soċjetà:

“Sfortunatament għadna lura ħafna biex naslu għall-punt fejn in-nanniet u l-anzjani jibqgħu iħossuhom parti mill-komunità, parti mis-soċjetà billi jagħtuhom ċans jieħdu sehem f’attivitajiet t’anzjanità attiva.”