Lokali

Gaia tgħaddi għall-fażi li jmiss fl-X Factor tal-Ingilterra

‘Inti għandek fik l-X Factor’. Dan kien il-kumment tal-kantant Robbie Williams lil kantanta Maltija Gaia Cauchi hekk kif spiċċat l-interpretazzjoni tagħha tal-kanzunetta Only Love Can Hurt Like This ta’ Paloma Faith.

Gaia ħadet sehem fl-auditions tal-X Factor tal-Ingilterra u issa, grazzi għall-approvazzjoni tal-erba’ membri tal-ġurija rebħet id-dritt li tipparteċipa fil-programmi live, programmi li jkunu segwiti minn miljuni ta’ nies madwar id-dinja, kemm live kif ukoll fil-midja soċjali.

Fi kliem Gaia stess, il-ħolma li tipparteċipa f’X Factor ilha tberren f’moħħha, pero’ kien f’dan il-mument li ħassitha l-aktar preparatha mużikalment. Għal Gaia li tipparteċipa f’kompetizzjonijiet ta’ dan il-livell mhijiex xi ħaġa ġdida. Fl-2013, kienet Gaia stess li wasslet biex pajjiżna jirbaħ il-Junior Eurovision bil-kanzunetta The Star. It-talent ta’ Gaia minn dejjem kien apprezzat, u s-Sibt ingħatat il-konferma mill-erba’ membri tal-ġurija esperta, ġurija li ħafna drabi tkun kiefra fil-kritika tagħha.

Il-ġurija għal din is-sena hi magħmula għal darb’oħra minn Simon Cowell, li miegħu ingħaqdu l-koppja Robbie Williams u l-attriċi Ayda Field flimkien mal-kantant tal-One Direction Louis Tomlinson.

Minn naħa tagħna nawguraw lil Gaia f’din l-avventura ġdida, avventura li se twassal biex it-talent ta’ din it-tfajla Maltija ta’ ħmistax-il sena se jkun apprezzat minn ħafna madwar id-dinja kollha.