Futbol Sport

Gżira United jibqgħu bla telfa

(Ritratt: Joseph Galea)

GŻIRA U………………………….. 3   HIBERNIANS…………………… 2

Gżira: J. Haber, D. Mambouana, R. Soares, A. Cohen, J. Corbalan, E. Zarate (Z. Scerri 58’), R. Briffa (T. Veronese 78’), S. Borg, F. Barbosa, A. Samb, H. Garba (N. Muscat 57’)

Hibernians: A. Hogg, N. Radojevic, J. Mbong, M. Dias, J. Degabriele, B. Kristensen, I. Ntow, J. Bezzina (D. Vella 79’), A. Agius, I. Blazevic (T. Marcolino 60’), T. Fonseca

Imwissija: B. Kristensen 8’, A. Agius 31’ (H) A. Samb 90’ (G)

Skorjaw: T. Fonseca 27’, 70’ (H) N. Radojevic OG 10’, A. Samb 30’, P. Barbosa 66’ (G)

Referee: Trustin Farrugia Cann

Assistenti Referees: Edward Spiteri, Christopher Francalanza

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Amadou Samb (Hibernians)

Rapport: Keane Cutajar

Gżira United baqgħu waħedhom f’ras il-klassifika tal-Kampjonat Premier meta għelbu lil Hibernians f’dik li kienet it-tielet rebħa tal-istaġun. Partita movimentata b’ħafna attakki u futbol sabiħ li setgħet marret kull naħa iżda fl-aħħar mill-aħħar kienu t-tim ta’ Gżira li ħarġu bit-tliet punti.

Il-Maroons marru minn fuq wara għaxar minuti logħob meta Amadou Samb b’finta barra l-kaxxa qarraq bid-difensuri ta’ Hibs u waħdu ma’ Andrew Hogg laqat biss il-wieqfa. Nemanja Radojevic inħasad bil-ballun li minn mal-lasta ġie għal saqajh u ma rnexxilux jersaq fil-ħin jew itajjar il-ballun biex sfortunatament għalih spiċċa ra l-ballun jaħbat miegħu u jispiċċa fix-xibka tiegħu stess.

It-tim ta’ Raħal Ġdid ġab id-draw fis-27 minuta meta kien l-eks Hibernians Rodolfo Soares li żbalja fuq wara fejn ħadlu l-ballun TIAGO FONSECA li baqa’ daħal fil-kaxxa mix-xellug u b’xutt fuq l-ewwel lasta minn pożizzjoni angolata għeleb lil Jusin Haber.

Gżira ma tantx damu ma reġgħu marru minn fuq hekk kif tliet minuti wara, AMADOU SAMB sab ruħu żmarkat quddiem Hogg, li ħareġ ħażin minn postu u ħallielu lasta vojta. Hibernians protestaw għal offside iżda Trustin Farrugia Cann u Edward Spiteri ordnaw gowl. Fost dawn il-protesti kbar, tkeċċa l-kowċ ta’ Hibs, Stefano Sanderra.

Hibernians ħarġu tajjeb għat-tieni taqsima u għal ftit ma ġabux id-draw. Jurgen Degabriele għeleb in-nasba tal-offside b’mod tajjeb u wiċċ imb wiċċ mal-gowlkiper kien żvinturat laqat biss il-mimduda bid-difiża tkun attenta tbiegħed il-periklu.

Destin Prince Mambouana salva lit-tim tal-Gżira fil-50 minuta meta tajjar f’korner il-passaġġ ta’ Marcelo Dias qabel seta’ jilħaq Degabriele li kien lest biex jixħet ġewwa.

Amadou Samb falla ċans tad-deheb mas-siegħa logħob meta xeħet barra wara li għamel spazju għalih innifsu x’ħin għadda minn mad-difensur, ballun li għadda bi żbrixx minn mal-lasta.

It-tielet gowl għat-tim ta’ Darren Abdilla wasal fis-66 minuta permezz ta’ FERNANDO BARBOSA PEREIRA li b’xutt mill-ewwel mit-tieni lasta wara free-kick ta’ Juan Corbalan mil-lemin, tefa’ ġewwa ballun li kien mgħejjun minn Hogg.

Erba’ minuti wara, Hibernians reġgħu daħlu fil-logħba u reġa’ kien TIAGO FONSECA bit-tieni gowl tiegħu. Is-sostitut Taylon Marcolino daħal tajjeb mil-lemin u fil-baxx għadda lejn l-attakkant li tefa’ f’xibka vojta l-ballun li Haber ma laħaqx. Lejn l-aħħar tal-logħba l-bojod u suwed pruvaw jsibu l-gowl tad-draw iżda l-Maroons dejjem irnexxielhom jżommu l-ballun barra.