Internazzjonali

Jivvutaw favur li jipprojbixxu l-burka

F’referendum li sar fir-reġjun ta’ St. Gallen, żewġ terzi tal-elettorat ivvutaw biex il-burka tkun ipprojbita. Dan hu t-tieni reġjun Żvizzeru li ħa deċiżjoni simili.

Il-vot kien biex jaraw jekk in-nies iridux li jkun ipprojbit li wieħed jgħatti wiċċu f’postijiet pubbliċi, u fil-mira kien hemm il-burka.

Dan it-tip ta’ lbies diġà kien ipprojbit fid-Danimarka, fi Franzza u f’pajjiżi oħrajn Ewropej.
Il-Gvern reġjonali kien oppona dan il-pass, imma nġabru biżżejjed voti biex jissejjaħ referendum.
Il-Kunsill Ċentrali Iżlamiku, l-akbar organizzazzjoni Iżlamika fil-pajjiż, ħeġġeġ lin-nisa biex ikomplu jgħattu wiċċhom u li kien qed jara jekk jistax jieħu azzjoni legali kontra din il-miżura.

F’Ġunju, il-Gvern federali Żvizzeru kien irreżista kampanja biex jipprojbixxi l-burka madwar il-pajjiż kollu. Il-Kabinett kien iddeċieda li għandhom ikunu r-reġjuni separatament li jiddeċiedu x’għandu ssir. Imma minkejja dan xorta se jsir referendum dwar is-suġġett. Dan peress li nġabru biżżejjed voti biex isir referendum nazzjonali.

Ir-reġjun ta’ Ticino diġà approva miżura simili imma tnejn oħra vvutaw kontra.