Basketball Sport

Luxol jirbħu t-Tazza Indipendenza tal-irġiel

(Ritratt: Martin Agius)

BUPA Luxol rebħu t-Tazza Indipendenza tal-irġiel wara li fil-finali għelbu lil Gżira Athleta 62-46. Iż-żewġ timijiet kienu għaddew għall-finali wara li kienu rebħu s-semifinali lbieraħ ukoll, f’dan it-tournament ta’ qabel ma jibda l-istaġun. Fis-semifinali, Luxol kienu għelbu lil Floriana MCP Car Parks 89-45 u Gżira Athleta għelbu lil Depiro 64-46.

Fil-finali milgħuba fuq żewġ perjodi u mhux erba’ kif isir is-soltu, Luxol rebħu ż-żewġ sessjonijiet 32-26 u 30-20 biex rebħu l-logħba b’distakk ta’ 16-il punt. L-aqwa skorers għal Luxol kienu Vule Jandric b’25 punt u Samuel Deguara b’16-il punt. Għal Gżira Vincent Pace temm bi 18-il punt u Carson Shanks skorja tmien punti.

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Robert Arrigo u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Isport Ryan Callus flimkien mal-President tal-MBA Paul Sultana preżentaw il-midalji u x-shield lill-plejers ta’ Luxol.