Sport Sport Ieħor

Marquez jirbaħ id-dwell ma’ Dovizioso f’Aragon

(Ritratt: EPA)

Marc Marquez kompla jsaħħaħ postu fil-quċċata tal-kampjonat wara li ħareġ rebbieħ fil-Grand Prix ta’ Spanja f’Aragon. L-Ispanjol rebaħ wara ġlieda missielta mat-Taljan Andrea Dovizioso, b’Andrea Iannone jikseb it-tielet post. Jorge Lorenzo li beda mill-pole position spiċċa barra mit-tiġrija fl-ewwel kantuniera tal-ewwel dawra.

Marquez kellu bidu pożittiv mit-tielet post u daħal fuq ġewwa biex bagħat liż-żewġ rivali fuq in-naħa ta’ barra, b’Lorenzo jitlef il-kontroll fejn spiċċa wkoll biex weġġa’ wieħed mis-swaba ta’ saqajh. Dan l-inċident wassal biex Dovizioso mar fuq quddiem segwit minn Marc Marquez, Andrea Iannone u Alex Rins.

Is-sewwieq ta’ Ducati kien qed jikkontrolla t-tiġrija, iżda l-ħames sewwieqa ta’ wara baqgħu jżommu r-ritmu. Sal-11-il dawra, Dovizioso, Marquez, Rins u Iannone kienu fetħu distakk ta’ żewġ sekondi fuq Pedrosa u Esparagro, b’Dovizioso jagħmel l-aktar dawra veloċi fit-12-il dawra.

Minkejja dan, Marquez baqa’ jżomm il-pass u fit-12-il kantuniera tal-14-il dawra qabeż lil Dovizioso. It-Taljan reġa’ mar parzjalment fl-ewwel post fir-raba’ kantuniera fis-16-il dawra, iżda Marquez reġa’ mar quddiem fil-kantuniera ta’ wara, b’Dovizioso jerġa’ jwieġeb fis-seba’ kantuniera.

Dan ippermetta lil Iannone li jagħlaq id-distakk, b’Marquez jerġa’ jmur fuq quddiem fid-19-il dawra. Iż-żewġ sewwieqa komplew jissieltu, b’Iannone jirnexxielu jmur fuq quddiem għal ftit wara dwell missielet bejn iż-żewġ sewwieqa.

Marquez għamel il-mossa deċiżiva fil-ħames kantuniera tal-21 dawra biex żamm il-pressjoni sal-aħħar għat-tielet rebħa konsekuttiva f’Aragon filwaqt li laħaq lil Mike Hailwood b’total ta’ 41 rebħa għal Honda. Dovizioso kkuntenta bit-tieni u laħaq lil Casey Stoner fit-total ta’ podju mirbuħa, b’Iannone jispiċċa mal-ewwel tlieta għat-tielet darba din is-sena.

Kif Spiċċaw

1. Marc Marquez            41:55.949

2. Andrea Dovizioso      +0.648

3. Andrea Iannone         +1.259

4. Alex Rins                     +2.638

5. Dani Pedrosa              +5.274

Kif Spiċċaw

1. Marc Marquez            246 punt

2. Andrea Dovizioso      174 punt

3. Valentino Rossi          159 punt

4. Jorge Lorenzo             130 punt

5. Maverick Viñales       130 punt

Tags