Għall-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat l-iskema tat-trasport għall-istudenti hi “suċċess kbir” u min għad m’għandux trasport, dan ġara għax “il-ġenituri ħallew għall-aħħar.”
Il-Prim Ministru qal dan il-Ħadd filgħodu waqt intervista fuq l-istazzjon tar-radju Laburista.
Il-kliem ta’ Muscat jikkuntrastaw sew ma’ dak tal-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo li f’diversi drabi stqarr li hu inkwetat dwar l-implimentazzjoni tas-sistema hekk kif iktar minn 800 student u studenta għadhom ma jafux jekk għandhomx trasport jew le, bl-iskejjel jibdew jiftħu l-bibien tagħhom minn nhar it-Tnejn.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar l-immigrazzjoni fejn irrikonoxxa li ċertu nħawi ta’ Malta, ir-residenti qed jiffaċċjaw diffikultajiet. Hu qal li qed isir xogħol tajjeb mit-tmexxija tal-Pulizija iżda filwaqt li ma semmiex preżenza ikbar tal-Pulizija, Muscat semma l-possibilita’ ta’ sistema ta’ kameras li permezz tagħha, minflok pulizija fit-toroq.
Temi oħra li kienu trattati fl-intervista kienu Brexit, il-vjolenza domestika u l-qabda kbira ta’ droga li seħħet iktar kmieni din il-ġimgħa.
Muscat jammetti li falla fl-immigrazzjoni u fl-infurzar tal-liġi – il-Partit Nazzjonalista
Sadanittant fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li l-Prim Ministru llum ammetta b’mod dirett li huwa falla kompletament fis-settur tal-immigrazzjoni illegali. F’diskors fuq One Radio huwa ddikjara li ntilef l-kontroll fuq is-sitwazzjoni fil-pajjiż b’mod speċjali fil-Marsa, l-Ħamrun, Santa Venera u Birkirkara.
Ammetta li m’hemmx nfurzar u l-liġijiet tal-pajjiż mhux qegħdin jiġu rispettati. Dikjarazzjonijiet li juru li Joseph Muscat sab ruħu f’kantuniera sforz kemm ittraskura dan is-settur. Kliem li jkomplu jsostnu kemm għandu raġun l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia li jinsisti li l-għases ikunu miftuħa u jiżdiedu l-Pulizija fihom.
Sadanittant in-nies jibqgħu mħassba fit-toroq tagħna, ittemm l-istqarrija.
//= $special ?>