Futbol Sport

Roma jsofru t-tieni telfa tal-kampjonat

(Ritratt: EPA)
Juventus jibqgħu b'punti massimi

Juventus żammew posthom waħedhom fil-quċċata tal-klassifika bil-ħames rebħa minn ħames logħbiet. Napoli wkoll rebħu l-logħba tagħhom biex komplew jikkonfermaw li se jerġgħu jkunu huma l-isfidanti diretti għar-rebħ tal-kampjonat.

Ikomplu l-problemi għal Roma li sfaw megħluba minn Bologna filwaqt li Milan ma rnexxielhomx jiksbu t-tliet punti wara li kienu milħuqa lejn it-tmiem minn Atalanta. Lazio fuq in-naħa l-oħra komplew jirkupraw bit-tielet rebħa tal-kampjonat.

BOLOGNA – Roma komplew il-bidu diffiċli tagħhom meta sfaw megħluba minn Bologna fi Stadio Renato Dall’Ara. Għal Bologna din kienet l-ewwel rebħa fil-kampjonat taħt it-tmexxija ta’ Filippo Inzaghi. Bologna fetħu l-iskor fis-36 minuta meta Robin Olsen blokka parzjalment kross ta’ Sebastien De Maio, il-ballun spiċċa għand FEDERICO MATTIELLO li ġibed għan-nofs u b’xutt bix-xellug fuq it-tieni lasta għeleb lill-gowlkiper Żvediż. Bologna rduppjaw fid-59 minuta meta FEDERICO SANTANDER daħal waħdu fil-kaxxa u għeleb lil Olsen b’xutt fil-baxx.

VERONA – Ikompli l-kampjonat diffiċli ta’ Chievo li fi Stadio Bentegodi kienu megħluba minn Udinese 2-0. RODRIGO DE PAUL fetaħ l-iskor kwarta mit-tmiem bi ġmiel ta’ xutt minn barra l-kaxxa li spiċċa fir-rokna tax-xibka. Huma għalqu l-logħba fid-90 minuta b’kontrattakk li fih KEVIN LASAGNA għeleb lil Sorrentino b’xutt fil-baxx mill-kaxxa.

FROSINONE – Tasal il-ħames rebħa minn ħames logħbiet għal Juventus li għelbu lil Frosinone 2-0 b’żewġ gowls lejn it-tmiem. Juventus iddominaw il-logħba u kellhom diversi okkażjonijiet ta’ skor li bihom setgħu skorjaw. Kellu jkun CRISTIANO RONALDO li fetaħ l-iskor fil-81 minuta meta xutt ta’ Miralem Pjanic kien imxellef u spiċċa fid-direzzjoni tiegħu, bil-Portugiż jiskorja minn ftit metri bogħod. Huma għalqu l-logħba fl-94 minuta meta għal darba oħra Pjanic krossja lejn is-sostitut FEDERICO BERNARDESCHI li kkontrolla l-ballun u għeleb lil Marco Sportiello.

RUMA – Lazio komplew jirkupraw meta kisbu t-tielet rebħa konsekuttiva u tal-kampjonat, meta din id-darba għelbu lil Genoa 4-1. FELIPE CAICEDO fetaħ l-iskor wara seba’ minuti meta tar minn tulu biex skorja b’daqqa ta’ ras mill-viċin. CIRO IMMOBILE rdoppja l-iskor fit-23 minuta b’xutt fil-baxx bix-xellug fil-kaxxa. Genoa fetħu t-tieni taqsima bl-aħjar mod meta skorjaw wara ftit sekondi permezz ta’ KRZYSZTOF PIATEK, iżda Lazio reġgħu rduppjaw il-vantaġġ fit-53 minuta b’daqqa ta’ ras għar-rokna ta’ SERGEJ MILINKOVIC-SAVIC. CIRO IMMOBILE ssiġilla r-rebħa fid-89 minuta b’xutt minn 11-il metru bogħod.

MILAN – Għat-tielet logħba f’dan il-kampjonat, Milan ma rnexxielhomx jiksbu t-tliet punti, din id-darba wara li sofrew gowl lejn it-tmiem biex kellhom jikkuntentaw bi draw ta’ 2-2 kontra Atalanta. Milan kellhom bidu mill-aqwa u wara żewġ minuti kienu diġà minn fuq bi kross ta’ Suso mil-lemin lejn GONZALO HIGUAIN li skorja b’xutt mill-ewwel. Huma kellhom ukoll gowl imħassar permezz tal-VAR li kien skorjat minn Giacomo Bonaventura. Atalanta ġabu d-draw fl-54 minuta meta ALEJANDRO GOMEZ daħal tajjeb għall-kross mil-lemin u għeleb lil Donnaruma mill-viċin. Milan reġgħu marru minn fuq fil-61 minuta meta reġa’ kien Suso li krossja mil-lemin għan-nofs, b’GIACOMO BONAVENTURA jidħol tajjeb biex għeleb lil Pierluigi Gollini fil-baxx. Il-Bergamasci żiedu l-pressjoni u ġabu d-draw fil-91 minuta meta Donnarumma salva parzjalment ix-xutt b’saħħtu ta’ Duvan Zapata u mir-rebound kien EMILIANO RIGONI li skorja.

TURIN – Napoli kisbu r-raba’ rebħa tal-kampjonat, b’rebħa meritata ta’ 3-1 fuq Torino fi Stadio Olimpico Grande Torino. Napoli fetħu l-iskor wara biss erba’ minuti meta LORENZO INSIGNE ħa vantaġġ minn żball fid-difiża u għeleb lil Salvatore Sirigu b’xutt fis-saqaf tax-xibka. Huma rduppjaw fl-20 minuta b’Dries Mertens jitfa’ kross mix-xellug għan-nofs lejn SIMONE VERDI li b’konklużjoni mill-ewwel għeleb lil Sirigu. Torino daħlu fil-logħba fil-bidu tat-tieni taqsima meta Alex Berenguer twaqqa’ minn Sebastiano Luperto fil-kaxxa, b’ANDREA BELOTTI jegħleb lil David Ospina mill-penalty. Iżda Napoli reġgħu rduppjaw il-vantaġġ mas-siegħa logħob meta f’kontrattakk ix-xutt ta’ Josè Callejon ħabat mal-wieqfa, bil-ballun jispiċċa għand LORENZO INSIGNE li kkontrolla u għeleb lil Sirigu b’xutt li ħabat mal-wieqfa qabel daħal fix-xibka.

Tags