Futbol Sport

3/5 – Ma kontx qed nistenna li stajt insib ruħi f’din is-sitwazzjoni

(Ritratt: Matthew Tabone)
L-intervista sħiħa tinsab fil-ħarġa ta' Il-Mument f'paġni 41, 42 u 43

Ix-xahar ta’ Marzu tal-2016 se jibqa’ ttimbrat f’moħħ id-difensur Malti Samir Arab. Dan minħabba episodju li għadda minnu u spiċċa biex patta qares għalih. Fil-preżent, Arab jinsab sospiż sal-aħħar ta’ Diċembru tal-2019 wara li f’Jannar ta’ din is-sena ngħata sospensjoni ta’ sentejn.

Il-każ imur lura proprju f’Marzu ta’ sentejn ilu meta Samir Arab kien wieħed minn diversi plejers li kienu avviċinati biex ikun kompliċi fl-irranġar tal-logħba tat-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena bejn Malta u Montenegro.

Arab ma aċċettax li jkun parti minn dan il-grupp, iżda minkejja dan il-fatt spiċċa weħel sospensjoni minħabba li ma rrappurtax il-każ mill-ewwel lill-awtoritajiet. Hu ma kellu l-ebda każ il-qorti, u serva ta’ xhieda waqt li kien qed jinstema’ każ kontra persuna oħra akkużat b’rabta ma’ dan il-każ.

Il-Bord tal-Kontroll, Etika u Dixxiplina tal-UEFA beda jisma’ l-każijiet ta’ Samir Arab u l-plejers l-oħra msemmija f’din il-logħba fl-14 u l-15 ta’ Diċembru tal-2017.

Fid-9 ta’ Jannar ta’ din is-sena ħarġet is-sentenza fejn Arab ingħata sospensjoni sal-31 ta’ Diċembru tal-2019 minħabba li “ma nfurmax lill-UEFA immedjatament u volontarjament li kien avviċinat b’rabta ma’ attivitajiet immirati li jinfluwenzaw b’manjiera illeċita l-kors u/jew riżultat ta’ logħba jew kompetizzjoni.”

B’rabta ma’ din is-sentenza li nvolviet sitt plejers minn dak it-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena, is-Segretarju tal-MFA kien ammetta li hu ta’ diżappunt għall-futbol Malti b’mod ġenerali.

Iżda Chetcuti qal li bħala assoċjazzjoni kienu ftit sorpriżi bir-riżultat finali tal-ġudizzju tal-UEFA. Hu kien żied jgħid li bħala MFA talbu lill-UEFA biex ikunu preżenti meta jinstemgħu l-każijiet, iżda din it-talba kienet miċħuda immedjatament.

Angelo Chetcuti dakinhar kien saħaq li hemm differenza kbira fl-ammont ta’ provi li hemm bżonn jinstabu fil-qorti u l-bordijiet dixxiplinarji tal-isport. Is-sit www.timesofmalta.com kwota lil Chetcuti jgħid li “f’qorti, persuna jinstab ħati ta’ akkuża partikolari jekk jinstab li kkommetta l-krimini lil hinn minn dubju raġonevoli. Fuq in-naħa l-oħra, bord dixxiplinarju tal-isport għandu bżonn biss li jkun sodisfatt li l-krimini sar biex jinstab il-persuna ħatja.”

Samir Arab flimkien mat-tliet plejers l-oħra li weħlu sentenzi minħabba li ma nfurmawx, appellaw is-sentenzi tagħhom lill-UEFA. Il-Bord tal-Appelli kien iltaqa’ fid-9 u l-10 ta’ April u ddeċidew li jiċħdu l-appelli tal-erba’ plejers. B’hekk Arab kellu tieqa biss biex jevita s-sospensjoni u dan kien il-Qorti tal-Arbitraġġ tal-Isport magħruf bħala l-CAS. Hemm hu kellu l-appoġġ tal-MFPA flimkien mal-FIFPro, l-għaqda dinjija li tirrappreżenta l-plejers.

Iżda l-CAS ukoll ċaħad l-appell ta’ Arab għas-sentenza oriġinali tal-UEFA li kienet laqgħet din is-sentenza bi stqarrija. Kif mistenni l-FIFPro ma qablitx ma’ din id-deċiżjoni u ħarġet stqarrija twila. Fl-istqarrija l-FIFPro qalet li s-sentenza ta’ sentejn lil Samir Arab mhix ġusta u mhix proporzjonata, u ma tifhimx id-deċiżjoni tal-UEFA li tibda proċeduri dixxiplinarji kontra l-plejer.

Marzu 2016

Il-partita li pruvat tiġi rranġata ntlagħbet fit-23 ta’ Marzu tal-2016. Riżultat finali b’rebħa għat-tim nazzjonali tal-Montenegro 1-0. Min kien qed jaħseb li dik il-logħba kienet fil-mira biex tkun irranġata?Mistoqsija awtomatika f’każijiet bħal dawn tkun meta sar l-ewwel kuntatt miegħu.

“Jiena meta kellimni l-ewwel darba prova jiltaqa’ miegħi darbtejn, imma ma kontx naf fuq xiex ried jiltaqa’ miegħi. Sitta jew seba’ snin qabel kien jilgħab miegħi u kien reġa’ qisu qabad joħroġ u kien jarani barra u jgħidli ejja mmorru nieħdu kafè jew hekk. Imbagħad kien kellimni darbtejn facebook biex niltaqgħu u mhux għax ma kontx ħbieb miegħu imma meta ma tkunx ħabib kbir u tkun rilassat id-dar mhux ħa tagħmel sforz biex tiltaqa’ mal-bniedem.”

“Imbagħad kien qalli ntih in-numru tal-mowbajl u kien ċempilli darba u qalli biex nieħdu kafè. Kont qiegħed barra u kont mort. Naħseb prova jiltaqa’ miegħi qabel imma spiċċajt iltqajt miegħu madwar ġimgħa u nofs ġimagħtejn qabel.”

Samir Arab ma kienx qed jistenna li seta’ jsib ruħu f’din is-sitwazzjoni u qalli li “tiddiżappuntak tgħid min issa, min issa tipò ħa jibdew dawn l-affarijiet.”

Hu qal li kien urieh li ma jagħmilx dawn l-affarijiet u kien ħaseb li aċċettaha li qallu li le. Arab qal li hu preżenta l-‘facebook chats’ u l-‘call logs lill-UEFA. Id-difensur Malti jirrakkonta li “erbat ijiem wara faqagħli l-mowbajl.” Hu rrakkonta li f’daqqa waħda qisu beda jippanikkja u reġa’ beda jċempel iżda hu ma wiġbux.

“Imbagħad niftakar kont filgħaxija kont sejjer għand sieħbi u ċempilli u għidt li mhux ħa jħallini bi kwiet. Qalli ejja l-Belt. Jiddispjaċini li mort dakinhar għax iva dik il-ħaġa li forsi kisret naqra, li jgħidu li dan reġa’ mar jiltaqa’ miegħu imma fl-istess ħin jiddispjaċini u le, għax dakinhar kien l-aħħar kuntatt li għamel miegħi jiġifieri dak li mort għalih irnexxieli nagħmlu li ma jdejjiqnix aktar.

Samir Arab kien offrut €3,000 ta’ siegħa u nofs u meta qal le, l-offerta żdiedet għal €5,000. L-iskop biex tkun irranġata l-logħba kien li t-tim Malti jitlef iż-żewġ taqsimijiet u l-logħba tintilef b’aktar minn żewġ gowls. Hu żied li “tgħidilhom le u jżidu l-offerta.”

Hu ddeskriva li meta kellmuh qalulu minn xiex irid jibża’ u filwaqt li kien diżappuntat li t-tim Malti tilef, fl-istess ħin kien jaf li huma ġġieldu dak li riedu huma, jiġifieri rebħa għal Montenegro.

L-ewwel kuntatt mal-awtoritajiet

Wara l-mument diffiċli li għadda minnu ftit jiem qabel u wara l-impenji tat-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena, Arab kellu l-ewwel kuntatt mal-awtoritajiet madwar xahar meta ċempillu l-Ispettur tal-Pulizija Sean Scicluna.

B’ton mill-aktar serju qalli li kien qed jibża’ iżda dakinhar iddeċieda li jgħidlu l-istorja. Hu rraġuna li jew ma jgħidlu xejn u jqajjem suspett inkella jaqbad u jgħidlu mill-ewwel.

Arab żied li l-Ispettur Scicluna qatt ma indikalu li hu wieħed mis-suspettati iżda kien beda jistaqsi biex jiġbor l-informazzjoni. “Fl-ewwel smigħ tal-UEFA xehed l-ispettur u qalilhom li qatt ma kont suspettat.”