Futbol Sport

4/5 – Il-konsegwenza li għidt le wassal li kelli niġġieled biex innaddaf ismi – Samir Arab

Samir Arab jipprova jżomm il-ballun minkejja li hu ssikkat (Ritratt: Jonathan Bugeja)

Samir Arab issa ilu disa’ xhur ma jilgħab, sospensjoni li waslet fi żmien li hu kien qed jikseb post regolari ma’ Balzan. Hu saħaq li s-sitwazzjoni li kien jinsab fiha kissret lilu u kważi tefgħetu f’dipressjoni tant li fl-ewwel ġimagħtejn ma kienx qed jiekol u qatta’ diversi ħin fis-sodda tiegħu.

Arab żied li ommu kienet qed tinkwieta u ma kienx jaf kif se jgħidilha filwaqt li ħuh it-tewmi kien l-aktar persuna li jħossha. Ir-raġuni prinċipali kienet li kien qed jibża’ u f’sitwazzjoni bħal din hu żamm ħafna għalih.

Il-konsegwenza li qal le u ma aċċettax il-flus wassal għal spiża kbira għaliex kellu jiġġieled din il-materja. “Il-kont tal-bank reġa’ beda minn €0 u ħija u ommi għinuni kif jistgħu.”

Hu ddeskriva li biex appella ġietu spiża ta’ madwar €13,000. Dan minħabba li biex appella l-UEFA kellu jmur l-Iżvizzera, post li hemm kollox għoli. Hu ħallas għal żewġ avukati, l-ispejjeż legali, l-akkomodazzjoni, il-lukanda u l-ikel.

Hu qal li minħabba li jinsab sospiż, qed ikollu jħallas għal personal trainer biex jibqa’ fiżikament tajjeb għaliex ix-xewqa tiegħu hi li jirritorna jilgħab il-futbol u sostna li se jagħmel l-almu tiegħu minkejja li meta jirritorna se jkun bla klabb minħabba li l-kuntratt eżistenti jkun spiċċa.

Ovvjament l-għajdut ikunu ħafna imma meta tmiss lilek fil-verità temmen li ċertu affarijiet jeżistu. Samir Arab qal li “naħseb hemm aktar ċans li plejer jiġi xi darba approached milli qatt ma jiġi approached. Ma kont qatt naħseb li se tkun logħba tal-under 21.”

Samir Arab kritiku lejn il-UEFA

Wieħed jistaqsi li hi ħaġa ovvja li plejer sospiż mill-UEFA se jikkritika x-xogħol tagħha, iżda hu għandu r-raġunijiet tiegħu għaliex wasal għal din il-konklużjoni. Bl-aktar mod skjett u dirett qalli; “huma ma jagħtux każ il-plejers. Il-UEFA xogħlhom mhux li jolqtu waħda tajba imma li ma jolqtu xejn ħażin. Huma jekk għandek qisu hemm xi ħaġa fiha jippruvaw iqaċċtuk il-barra. Ħa nolqtu d-dgħajjef, le l-aqwa li ma nkunux ħażin aħna.”

Hu kritika wkoll l-investigatriċi tal-UEFA li ġiet f’pajjiżna iżda ma għamlitx kuntatt miegħu. Arab saqsa għaliex lilu ma riduhx li jagħmel community Service għaliex fi kliemu l-maġistrat qal li hu kien xhieda ħafna importanti fil-każ, xi ħaġa li għal UEFA mhux importanti. Id-difensur Malti ħassu mwarrab fil-ġenb għaliex din l-investigatriċi l-anqas kellha 30 minuta għalih.

“Il-UEFA jekk tgħid li hawn problema kbira hawn Malta, tibgħat lil xi ħadd għal sena. Malta żgħira kulħadd jaf lil kulħadd mhux bħall-Iżvizzera.” Hu saħaq li kieku setgħu l-UEFA kienu jaqilgħu t-18-il plejer f’dik il-logħba kienu jagħmluha għax ma jimpurtahomx.

Arab għamel referenza li anki f’darhom stess il-UEFA kellhom każijiet ta’ korruzzjoni u saħaq li jridu jagħmlu isem biż-żgħar għaliex ma għandhomx biex jiġġieldu, fejn semma l-każ ta’ Andrea Masiello li ammetta li xtara tmien logħbiet u weħed 26 xahar, li jfisser kważi daqs kemm weħel hu.

Staqsejt jekk jaħsibx li weħel l-eħrex piena għax ta ħafna informazzjoni. “Huma qalu li l-informazzjoni li tajt ma kinitx ta’ valur. Il-UEFA qalet li ġejt avviċinat darbtejn allura sena ta’ kull darba, meta l-investigatriċi fil-bidu kienet qalet li nistgħu neħlu bejn sitt xhur u sena. Jien difensur nazzjonali tal-U21, ovvja li se nkun aktar importanti minn attakkant. Ovvja li jekk ma jsibx min jirranġa l-logħba se terġa’ tfittex.”