Ambjent Lokali

L-ERA ma tikkonfermax jekk id-dħaħen kienux tossiċi

Ritratt mill-ajru tal-impjant tal-Wasteserv fil-Magħtab waqt li qed jinħakem min-nar.
Espert barrani wasal Malta għal jumejn biex jinvestiga

L-Awtorita’ tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) għadha qed tipproċessa l-analiżi li saret minn espert barrani fil-bidu tax-xahar wara l-inċident fil-Magħtab. Skont it-tweġibiet li irċieva NETnews.com.mt għad-domandi mibgħuta b’email, sa issa m’hemm l-ebda konferma jekk id-dħaħen ikkawżati minn dan l-inċident kienux tossiċi jew le.

NETnews saqsa lill-ERA biex tagħti assigurazzjoni dwar il-ħsarat li setgħu ikkawżaw dawn in-nirien, liema assigurazzjoni ma ingħatatx.

Skont ir-risposti tal-ERA, l-istudju fuq il-kontaminazzjoni tal-għelieqi, id-dħaħen, u t-tniġġis fl-arja sar minn Eurofins Umwelt Nord GmbH. Dan l-espert kien f’Malta bejn it-2 u l-4 ta’ Settembru.

Jirriżulta li l-ERA qed tiproċessa r-riżultati li għaddew ukoll għand laboratorju internazzjonali bl-isem Zentrum für Dioxinanalytik (ZfD) GmbH (Bayreuth – Ġermanja).

L-ERA qed tgħid li mill-informazzjoni li għadda, il-ħin kemm il-pubbliku dam espost għal din id-daħna mhux tistenna li jkun kunsidrat sinifikanti. Għalkemm baqgħet fil-muta dwar il-possibilta’ li t-tniġġis fl-arja kien wieħed tossiku.

Meta seħħ l-inċident fil-Magħtab fl-aħħar t’Awwissu, l-esperti kienu ikkonfermawlna li parti sostanzjali mill-materjal li ħa n-nar kien propju plastik.