Lokali

‘Iċ-Ċiniż’ jakkuża lill-Prosekuzzjoni li wettqet frame up fuqu

George Degiorgrio magħruf Iċ-Ċiniż

George Degiorgio, wieħed minn tlieta akkużati bl-eżekuzzjoni tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, irid lill-awtoritajiet jinvestigaw kull dgħajsa li kienet fil-port nhar is-16 t’Ottubru, meta seħħ l-omiċidju.

Dan għaliex Degiorgio, magħruf bħala ċ-Ċiniż, qed jgħid li hu vittma ta’ frame up, u akkuża lill-Pulizija li meta arrestawh aġixxew biss fuq suspett infondat.

Degiorgio fetaħ kawża kostituzzjonali fejn jakkuża lill-prosekuzzjoni bi frame up u jitlob li l-Qorti tinnomina grupp ta’ esperti. Dan bl-iskop li jidentifikaw kull opra tal-baħar li użat il-port bejn is-14:30 u t-15:30 u jqabbluhom mad-dgħajsa tieħu, il-Maia, fil-ħin tal-isplużjoni li ħasdet ħajjet Daphne Caruana Galizia.

Il-Prosekuzzjoni qed takkuża lil Degiorgio li kien il-bniedem li, mingħajr ma kien fil-post tad-delitt, skatta l-islużjoni tal-bomba mal-vettura ta’ Caruana Galizia fil-Bidnija. L-evidenza ppreżentata quddiem il-Qorti allegatament turi d-dgħajsa ta’ Degiorgio taħt il-Qanpiena, fil-Port il-Kbir.

Degiorgio qed jibbaża d-difiża tiegħu fuq ix-xhieda ta’ uffiċjal tal-Pulizija, li quddiem il-Qorti xehed li mhux moralment ċert li d-dgħajsa li tidher fl-evidenza hi dik ta’ Degiorgio.

Il-kawża kostituzzjonali ta’ Degiorgio hi ffirmata mill-avukat William Cuschieri, li qed jitlob lill-Qorti biex tiddikjara li l-klijent tiegħu nkisirlu d-dritt ta’ smiegħ xieraq u jakkuża lill-Pulizija li qed jistadu għall-evidenza biex jiġġustifikaw l-arrest tiegħu.

Fil-kawża kostituzzjonali ġie ddikjarat ukoll li l-Prosekuzzjoni mhux biss m’għandiex provi li Degiorgio kien abbord id-dgħajsa, imma wkoll lanqas biss hi ċerta li d-dgħajsa hi l-Maia.