Internazzjonali

Irtirata r-reġistrazzjoni tal-bastiment ‘Aquarius 2’

Il-MV Aquarius

L-Awtorità Marittima tal-Panama irtirat ir-reġistrazzjoni tal-bastiment ‘Aquarius 2’ li kien qed jintuża għal missjonijiet ta’ search and rescue fil-Mediterran u fejn irnexxielu jsalva kwantità sostanzjali ta’ immigranti.

Il-pass ifisser li, fil-futur qarib, mhux se jkun hemm aktar bastimenti ta’ fejda ‘il hinn mill-kosta tal-Libja, dment li dan il-bastiment ma jkunx jista’ ibaħħar taħt bandiera ġdida.

L-‘Aquarius 2’, li hu l-uniku bastiment li qed jgħin lin-nies b’għan karitatevoli fiċ-ċentru tal-Mediterran, sal-bieraħ, kien għadu f’nofs ta’ baħar bi 58 immigrant abbord. Issa d-deċiżjoni tal-Awtorità Marittima tal-Panama tfisser li, ladarba dan il-bastiment jidħol f’port, għandha titneħħielu l-bandiera li qed ibaħħar taħtha u mhux se jkun jista’ ikompli bis-servizzi mingħajr ir-reġistrazzjoni ta’ pajjiż ieħor.

L-SOS Mediterranee, waħda mill-entitajiet karitatevoli li qed jużaw is-servizzi tal-Aquarius, qalet li tinsab ixxukkjata b’dan l-iżvilupp ‘li seta jseħħ wara pressjoni speċifika min-naħa tal-Gvern Taljan’.

Il-komunikat uffiċjali mill-awtoritajiet tal-Panama stqarr li l-awtoritajiet fl-Italja kienu ħeġġew lill-Awtorità Marittima tal-Panama biex tieħu ‘azzjoni immedjata’ fil-konfront tal-‘Aquarius 2’. Madankollu, il-Ministru Taljan għall-Affarijiet Barranin, Matteo Salvini, qal li l-Gvern ta’ pajjiżu ma kien wettaq l-ebda pressjoni fuq il-Panama.

L-istess Salvini ilu jmexxi kampanja popolari kontra l-immigrazzjoni mindu l-Partit tal-Lega tiegħu u l-Moviment Cinque Stelle ħadu l-poter, fl-Italja, f’Ġunju li għadda. Matteo Salvini anki, qabel, akkuża lill-SOS Mediterranee u entitajiet karitatevoli oħrajn b’li qed jaġixxu daqslikieku ‘servizz tat-taxi fil-Mediterran’ għall-immigranti. Fl-istess ħin, Salvini qed jakkuża lill-operaturi tal-‘Aquarius 2’ b’li qed ‘ifixklu l-ħidma tal-gwardjani tal-kosta Libjani’, huma u ‘jinjoraw l-istruzzjonijiet’.