Illum il-klassijiet tal-iskejjel f’pajjiżna laqgħu lura lill-għalliema kif ukoll lil xi wħud mill-istudenti hekk kif bdiet sena skolastika ġdida.
Bil-bibien tal-iskejjel li qed jerġgħu jiftħu din il-ġimgħa, wieħed jinnota l-fatt li għadd hemm numru ta’ posts tal-għalliema li għadhom vakanti. Skont l-Unjon tal-Għalliema, l-MUT, il-Gvern għal darb’oħra kkalkula ħażin in-numru ta’ edukaturi li hem bżonn biex ikopru l-postijiet kollha ta’ tagħlim fl-iskejjel tal-Istat.
Il-President tal-MUT, Marco Bonnici qal li filwaqt li l-Gvern kien qed jagħti assikurazzjonijiet li l-kwistjoni tan-nuqqas tal-għalliema ma tiġix ripetuta, issa qed jidher li s-sitwazzjoni mhix aħjar minn dik tas-sena li għaddiet.
L-MUT qalet li kienu meħtieġa għalliema tal-iskejjel primarji, kif ukoll dawk għall-Ingliż u l-Matematika f’livell sekondarju. Bonnici qal li filwaqt li l-Gvern ma kienx mistenni joħroġ sejħiet għal studenti universitarji f’dan il-ħin, is-sejħiet li nħarġu huma l-aħħar tentattivi biex tinstab soluzzjoni għal kwistjoni li ma tistax tiġi indirizzata biss jumejn qabel ma t-tfal jerġgħu lura fil-klassijiet tagħhom. “Sena wara sena aħna nirrepetu l-istess ħaġa imma xejn ma jinbidel”.
Minħabba dan in-nuqqas, il-pressjoni fuq l-għalliema qiegħda dejjem tiżdied hekk kif ix-xogħol tagħhom żdied b’mod drastiku biex ipattu għan-nuqqas ta’ għalliema disponibbli.
Marco Bonnici żied jgħid li nuqqasijiet bħal dawn ifissru wkoll li s-sistema edukattiva tkun f’riskju li taqa’ fi kriżi jekk għadd ta ‘għalliema ma jkunux disponibbli fl-istess ħin bħal pereżempju meta fix-xhur ta’ Novembru, Diċembru u Jannar ifaqqa’ l-istaġun tal-influwenza.
Probema oħra prinċipali li qed jaffaċċaw il-ġenituri hi dik tal-problema tat-trasport għall-istudenti. Persuna mill-Mosta li għamlet kuntatt ma’ dan l-istazzjon stqarret id-diżappunt tagħha li sal-Ħadd filgħaxija kienet għadha ma sabitx trasport għat-tifel tagħha li se jattendi l-iskola f’Raħal Ġdid.
Għall-Prim Ministru Joseph Muscat l-iskema tat-trasport għall-istudenti hi suċċess kbir u min għad m’għandux trasport, dan ġara għax il-ġenituri ħallew għall-aħħar. Il-kliem ta’ Muscat jikkuntrastaw sew ma’ dak tal-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo li f’diversi drabi stqarr li hu inkwetat bl-implimentazzjoni tas-sistema hekk kif numru ta’ studenti għadhom ma jafux jekk għandhomx trasport jew le, bl-iskejjel jibdew jiftħu l-bibien tagħhom din il-ġimgħa.
//= $special ?>