Sport Sport Ieħor

It-Tim tal-Ewropa jerġa’ jirbaħ il-Laver Cup

(Ritratt: EPA)

Il-Ġermaniż Alexander Zverev għeleb lil Kevin Anderson 6-7, 7-5, 10-7 hekk kif it-Tim tal-Ewropa rebaħ kontra t-Tim tad-Dinja fl-aħħar ġurnata tal-Laver Cup f’Chicago. Roger Federer għeleb ukoll lil John Isner 6-7, 7-6, 10-7 hekk kif l-Ewropa żammew it-trofew b’rebħa finali ta’ 13-8.

Federer u Zverev kienu tilfu l-logħba tad-doubles kontra Isner u Jack Sock. Qabel l-aħħar ġurnata, l-Ewropa kienu 7-5 minn fuq, u kisbu tliet punti għal rebħa fl-aħħar ġurnata biex ħarġu r-rebbieħa. Dan fisser li r-rebħa ta’ Isner u Sock 4-6, 7-6, 11-9 fid-doubles tal-Ħadd poġġew lit-tim tad-Dinja 8-7 minn fuq, qabel ma’ Federer u Zverev dawru r-riżultat favur it-tim Ewropew.

Ir-rebħa ta’ Zverev kontra Anderson wasslet wara li kellhom jirkupraw minn set minn taħt, u tat mistrieħ lil Novak Djokovic mill-aħħar logħba kontra l-Awstraljan Nick Kyrgios, wara li s-Serb kien tilef l-ewwel żewġ logħbiet tal-kompetizzjoni l-Ġimgħa u s-Sibt.

“Kuntent għaliex ksibna r-rebħa u ddefendejna t-titlu. Irrid infisser li Roger Federer mhux kowċ tajjeb, imma nħalliha hemm,” iċċajta Zverev. “Le, għeni ħafna, tani pariri tattiċi u ħadmu għaliex erbaħt it-tieni set imbagħad it-tie-break. Kienet logħba bilanċjata, mhux din biss imma tmiem il-ġimgħa kollu u ftit punti setgħu għamlu kollox differenti.”

It-tim Ewropew kien immexxi mil-leġġenda Żvediża Bjorn Borg. Hu qal li kienet ġimgħa inkredibbli u saħaq li hu kburi bit-tim għaliex kienu jafu li hu diffiċli biex jegħlbu lit-Tim tad-Dinja. It-Tim tal-Ewropa rebaħ it-tournament inawgurali fi Praga s-sena l-oħra. Il-kompetizzjoni tas-sena d-dieħla se ssir f’Ginevra bejn l-20 u t-22 ta’ Settembru.

Tags