Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

L-EBA bi tħassib serju dwar l-immanniġġjar tal-MFSA fuq il-Bank Pilatus

IR-REVOKA TAL-LIĊENZJA TAL-BANK PILATUS TIPREVENI LILL-MFSA MINN INVESTIGAZZJONI FORMALI TAL-EBA

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa qal: “Bil-ftuħ tal-proċeduri biex tiġi rtirata l-liċenzja tal-Bank Pilatus, l-MFSA rnexxielha tiffranka investigazzjoni formali mill-Awtorità Bankarja Ewropea. L-EBA, madankollu identifikat tħassib serju bil-mod li bih ġie ttrattat il-Bank Pilatus, u li għandu jiġi indirizzat”, iddikjara David Casa.

F’ittra lill-MEPs, l-EBA ddikjarat li ġie identifikat tħassib serju fl-oqsma li ġejjin:

– L-ingaġġ bejn l-MFSA u l-FIAU matul il-proċess tal-awtorizzazzjoni.
– Is-saħħa tal-kontrolli tad-diliġenza dovuta mwettqa bħala parti mill-proċess tal-awtorizzazzjoni.
– Risposta superviżorja prudenzjali għat-tħassib dwar l-effettività tas-sistemi u l-kontrolli kontra l-ħasil tal-flus.
– Ir-riżorsi u l-prijoritizzazzjoni tar-riskju mogħtija lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jsegwu mudell ta’ negozju bankarju privat bi klijenti predominanti mhux residenti.

Casa ddikjara: “L-MFSA ħadet wisq żmien biex tieħu d-deċiżjoni ovvja biex twaqqaf lill-Bank Pilatus milli jkompli jaħdem f’Malta. L-MFSA trid tindirizza b’mod effettiv u immedjat it-tħassib serju mqajjem mill-Awtorità Bankarja Ewropea. Is-settur finanzjarju u l-ħafna għixien li jiddependu fuqu m’għandhomx jitpoġġew f’riskju minħabba l-interessi tal-politiċi korrotti”.

L-EBA iddikjarat li se tkompli timmonitorja l-MFSA mill-qrib u se jitwettqu spezzjonijiet speċifiċi.