Internazzjonali

L-Iran iwiegħed tpattija

Il-Gwardja Rivoluzzjonarja Iranjana, il-Ħadd wiegħdet li dawk responsabbli għal attakk waqt parata militari kienu se jpattuha. Fl-attakk, 25 persuna nqatlu, fosthom 12-il membru tal-Gwardja Rivoluzzjonarja, meqjusa l-aħjar taqsima militari fil-pajjiż.

L-Iran qed jakkuża lill-Istati Uniti u lill-pajjiżi fil-Golf li appoġġaw dan l-attakk f’Ahvaz li sar is-Sibt, l-agħar attakk ta’ din ix-xorta li qatt kien hemm fil-pajjiż.

Ir-responsabbiltà tal-attakk ittieħdet kemm mill-ISIS kif ukoll minn grupp ribelli lokali, ir-Reżistenza Nazzjonali ta’ Ahvaz, moviment ta’ Għarab etniċi li jridu l-indipendenza mill-provinċja Iranjana ta’ Khuzestan.

Ħadd minnhom iżda ma ppreżenta provi li kien wara l-attakk. L-attakk twettaq minn erba’ irġiel armati, li spiċċaw kollha maqtula.

Hassan Rouhani, il-President Iranjan, wiegħed ukoll tweġiba qawwija għal dan l-attakk u akkuża lill-Istati Uniti. Imma Washington qed jiċħad li għandu x’jaqsam.

L-uffiċjali fil-Gwardja Rivoluzzjonarja qalu li l-attakk ta’ Ahvaz twettaq minn irġiel imħarrġa fil-pajjiżi tal-Golf bl-appoġġ ta’ Iżrael u l-Istati Uniti. Sadattant f’Ahvaz qed ikunu rapportati ħafna arresti, partikolarment tal-etniċi Għarab.

L-attakk kien daqqa ta’ ħarta kbira għall-militar Iranjan, li spiss jiftaħar li jiflaħ għal kull attakk.