Luka Modric għeleb lil Cristiano Ronaldo u Mohamed Salah u rebaħ l-unur tal-Aqwa Plejer tal-FIFA waqt is-serata tal-FIFA Best Awards. Modric rebaħ l-unur wara li kellu staġun ta’ suċċess ma’ Real Madrid fejn għen lill-klabb jirbaħ il-UEFA Champions League għat-tielet staġun konsekuttiv.
Hu spikka wkoll fit-Tazza tad-Dinja fejn kiseb diversi kummenti pożittivi wara li lagħab parti kruċjali biex mexxa lit-tim Kroat għall-ewwel finali fl-istorja tagħhom. Hu rebaħ ukoll il-Ballun tad-Deheb tal-edizzjoni.
Bir-rebħ ta’ dan l-unur, Modric temm id-dominanza ta’ Cristiano Ronaldo u Lionel Messi, biż-żewġ plejers jibdlu l-unuri fl-aħħar snin, bl-aħħar plejer li rebaħ dak iż-żmien il-Ballun tad-Deheb kien Kaka fl-2007. Modric lagħab 56 logħba ma’ Real Madrid u l-Kroazja. Waqt iċ-ċerimonja hu ammetta li dan kien l-aqwa staġun fil-karriera tiegħu.
Aktar kmieni fis-serata, Salah rebaħ l-unur tal-FIFA Puskas Award permezz tal-gowl minn azzjoni personali fid-derby ta’ Merseyside kontra Everton li fih għadda qalb id-difiża u skorja b’xutt fir-rokna ta’ fuq.
Il-gowlkiper il-ġdid ta’ Real Madrid Thibaut Courtois rebaħ l-unur tal-aqwa gowlkiper b’dan l-unur isegwi dak li kien rebaħ fit-Tazza tad-Dinja mal-Belġju. Marta rebħet l-aqwa plejer mara tal-FIFA. Il-kowċ ta’ Franza Didier Deschamps rebaħ l-unur tal-aqwa manager wara li mexxa n-nazzjon ta’ pajjiżu għar-rebħ tat-tieni Tazza tad-Dinja fl-istorja tagħhom.
Din kienet it-tielet edizzjoni tal-Best FIFA Football Awards li twaqqfet wara li l-FIFA waqqfet l-assoċjazzjoni tagħha mal-unur tal-Ballun tad-Deheb. Din il-verżjoni kienet bdiet tingħata mill-magazine France Football fl-1956, iżda ngħaqdet mal-unur tal-aqwa plejer tas-sena tal-FIFA mill-2010 sal-2015.
Il-FIFA introduċiet dawn l-unuri bl-internazzjonali Portugiż jirbaħ l-ewwel unur f’Jannar tal-2017. Il-votazzjoni għall-kategoriji tal-plejer u l-kowċ saru mill-captain u l-kowċis tat-tim nazzjonali, ġurnalisti magħżula u għall-ewwel darba votazzjoni online mill-partitarji. Dawn kollha kienu jammontaw għal 25% kull kategorija.
//= $special ?>