Lokali Qorti

Meħlus mill-akkuża ta’ molestja fuq tifla ta’ 8 snin

Ir-raġel kien il-baħar mal-familja, u magħhom kien hemm it-tifla

Raġel li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti ġie meħlus mill-akkuża li abbuża sesswalment minn tifla ta’ 8 snin f’każ li allegatament seħħ fis-7 ta’ Lulju ta’ sena ilu fil-Bajja s-Sabiħa, Birżebbuġa.

Dakinhar, l-akkużat kien flimkien mal-familja tiegħu u n-neputija meta f’xi ħin niżlu jilgħabu fil-baħar. Huma kienu fil-baxx, jiġru u jwaddbu lil xulxin, f’sitwazzjonijiet li ħafna jqisuhom komuni mas-sajf Malti.

Meta dakinhar irritornat id-dar, it-tifla qalet lill-ommha li l-akkużat missilha l-parti ġenetali tagħha. U kien hawn li sar rapport fl-għassa tal-Pulizija.

Fis-sentenza tagħha l-Maġistrat Audrey Demicoli innotat li minn dak li qalet it-tifla jqumu diversi dubji; ir-raġel ma kienx waħdu, u kien hemm ħafna nies fil-baħar, filwaqt li l-Qorti innotat ukoll struzzjonijiet li kienet ħadet it-tifla mingħand ommha – struzzjonijiet li jaf kellhom impatt fuq it-tifla, li interpretat logħob fil-baħar u kuntatti aċċidentali bħala abbuż sesswali.

Il-Qorti sabet lill-imputat mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.

Għall-akkużat deher l-avukat Joe Giglio.