Il-Gvern wera li ma kienx ippreparat biex jipprovdi t-trasport b’xejn lit-tfal tal-iskejjel u s-superviżjoni għalihom fil-vjaġġ lejn l-iskola. Aktar minn 800 student s’issa għadhom bla trasport. Studenti fl-iskejjel tal-Knisja u Indipendenti spiċċaw jew ma ħadux it-trasport b’xejn kif imwiegħed jew spiċċaw tilfu s-servizz li diġà kellhom. Huwa inaċċettabbli li għal dan in-nuqqas ta’ ippjanar tal-Gvern fit-trasport lill-istudenti, il-Prim Ministru Joseph Muscat iwaħħal fil-ġenituri.
Dan qalu l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Edukazzjoni, Żvilupp Uman u Ħiliet għas-Seklu 21 Clyde Puli.
Waqt intervista fuq One Radio, Joseph Muscat qal li huwa tort tal-ġenituri li aktar minn 800 student spiċċaw mingħajr it-trasport kif imwiegħed, għaliex ħallew għall-aħħar biex jirreġistraw lil uliedhom fl-iskema. Din l-istqarrija hija ammissjoni tal-Prim Ministru li l-Gvern ma ppjanax bil-quddiem, għaliex l-ewwel qal li kien tort tal-operaturi u issa qed jagħti t-tort lill-ġenituri. Dan meta kien il-Gvern li tnikker fil-preparamenti biex jintroduċi din l-iskema tat-trasport b’xejn u l-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo, kellu għal darb’oħra jammetti li ma laħaqx il-miri tiegħu.
Il-Gvern kellu sena sħiħa sabiex jippjana bl-aħjar mod kif se jħaddem din l-iskema wara li l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna kien ħabbarha fl-aħħar baġit. Minflok ħalla għall-aħħar fl-implimentazzjoni tal-iskema bir-riżultat li mijiet ta’ studenti baqgħu bla trasport. Minflok iġorr ir-responsabbilità ta’ dawn in-nuqqasijiet, il-Prim Ministru Joseph Muscat spiċċa biex iwaħħal fil-ġenituri, li jridu l-aħjar għal uliedhom.
Il-Partit Nazzjonalista temm l-istqarrija fejn iħeġġeġ lill-Gvern sabiex minnufih jidħol f’taħdidiet serji biex isib soluzzjoni għan-nuqqasijiet kemm fis-sistema tat-trasport bla ħlas lill-istudenti u s-superviżjoni tagħhom. Dan għaliex Gvern bla pjan mhux qed jindirizza l-problemi li qed joħloq hu stess fl-edukazzjoni. Il-Partit Nazzjonalista jrid soċjetà li jimpurtaha mill-istudenti u mill-edukazzjoni tagħhom u għalhekk se jibqa’ jixpruna lill-Gvern biex jindirizza dawn in-nuqqasijiet.
//= $special ?>