Is-soċjeta’ tagħna għandha tirrikonoxxi l-kontribut tan-nanniet tagħna. Hekk qal il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia meta dalgħodu tkellem f’seduta Parlamentari speċjali, li ffukat fuq is-sehem tan-nanniet f’pajjiżna.
Adrian Delia qal li n-nanniet jagħtu kontribut enormi fis-soċjeta’ tagħna – xi ħaġa li mhix qed tkun rikonoxxuta. “Dawn in-nanniet huma librerija ħajja ta’ esperjenzi u valuri”, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni.
Fid-diskors tiegħu, Adrian Delia saħaq li l-anzjani u n-nanniet ikun fadlilhom kontribut kbir x’jagħtu, u hawn tkellem dwar l-anzjanita’ attiva. Fuq kollox, sostna li l-familja u l-għaqda tibqa’ xi ħaġa fundamentali f’Malta.
Intant, fl-istess seduta Parlamentari d-deputat Maria Deguara iffukat fuq il-fatt li n-nanniet f’xi drabi iħossuhom imweġġa’ ħafna meta għal xi raġuni jew oħra jiġu mċaħda milli jaraw in-neputijiet tagħhom. “Din saret komuni ħafna illum, u hi inġustizzja kbira man-nanniet”. Deguara qalet li fl-iqsar żmien possibli il-Parlament jistudja din il-problema u joħloq qafas fil-liġi biex in-nanniet jkollhom id-dritt li jaraw u jgawdu lin-neputijiet tagħhom.
Diskors ieħor sar mid-deputat Ivan Bartolo illi faħħar lill-Kap tal-PN Adrian Delia meta tah id-deskasteru tas-solitudni, għaliex xtaq propju li jindirizza din l-isfida fis-soċjeta’ tagħna. “Ejjew naħdmu favur kultura li fiha ma nagħlqux qalbna għan-nanniet u l-anzjani”, sostna Bartolo.
AKTAR KMIENI
“Numru ta’ nanniet f’Malta qed jiġu mċaħħda milli jaraw in-neputijiet tagħhom. Dan qalu Philip Chircop, President tal-Fondazzjoni Nanniet Malta f’seduta speċjali tal-Parlament li saret dalgħodu. Hu enfasizza l-fatt illi anke ċ-Charter Ewropew jagħti dritt lit-tfal li jkollhom aċċess għall-familja estiża tagħhom, inkluż in-nanniet.
Chircop tkellem dwar diversi sfidi li qed jiffaċjaw in-nanniet fosthom is-solitudni, u l-isfruttament. Hu insista li dawn m’humiex każijiet iżolati.
Il-President ta’ Nanniet Malta qal illi l-Fondazzjoni diġa’ għamlet pressjoni fuq l-UE biex jitwaqqaf Jum Ewropew għan-Nanniet.
It-tieni Ħadd t’Ottubru jiġi ċċelebrat Jum in-Nanniet f’pajjiżna. Din is-sena qed jiġi ċċelebrat il-5 anniversarju ta’ Nanniet Malta.
//= $special ?>