Futbol Sport

Silvio Berlusconi mistenni jsir is-sid ta’ Monza nhar il-Ġimgħa

Il-ġurnata tal-Ġimgħa 28 ta’ Settembru mistennija tkun ġurnata importanti fil-klabb ta’ Monza hekk kif hu skedat li jsiru l-firem tal-kuntratti u l-preżentazzjoni uffiċjali biex Silvio Berlusconi jsir is-sid ta’ Monza.

L-eks President ta’ Milan laħaq ftehim biex jixtri l-95% tal-klabb li bħalissa qed jilgħab fis-Serie C. Hu skedat li jkun hemm konferenza stampa fis-1.00pm li probabbilment issir fil-klabb. Flimkien ma’ Berlusconi se jkun hemm ukoll l-eks Amministratur Delegat ta’ Milan Adriano Galliani, fejn mistennija jispjegaw il-proġett tagħhom, ftit aktar minn sena wara li ħallew lil Milan.

Ftit jiem ilu, Galliani kien spjega x-xewqa li Berlusconi jixtri l-klabb ta’ Monza minħabba li beda jħoss in-nuqqas tal-futbol. Hu kien qal li l-idea twieldet ftit xhur ilu u issa se ssir realità.

Galliani kompla li wara Milan, Monza huma l-uniku klabb li seta’ jerġa’ jidħol fil-futbol, minħabba li kienu proprju magħhom li kien beda l-karriera tiegħu. Jidher li x-xewqa tagħhom hu li jtellgħu lil Monza fis-Serie A permezz ta’ diversi plejers Taljani li għadhom żgħażagħ u b’hekk il-klabb iservi biex jinħolqu plejers ta’ talent għall-futbol Taljan.