Futbol Sport

Tiger Woods jirbaħ unur wara nuqqas ta’ ħames snin

(Ritratt: EPA)

Tiger Woods irritorna għar-rebħ ta’ trofew wara aktar minn ħames snin meta rebaħ il-PGA Tour għat-tielet darba fil-karriera, fir-raba’ u l-aħħar logħba tal-play-offs li għalqet l-istaġun tal-PGA Tour. Woods għalaq ir-raba’ prova b’71  għal total ta’ 269 (-11). B’hekk hu kiseb it-80 titlu fil-karriera tiegħu, l-ewwel wieħed wara 1876 ġurnata u t-tielet wieħed f’East Lake wara s-suċċessi tal-1999 u l-2007.

“Kienet iebsa u kelli nissielet għaliex il-kundizzjonijiet kienu diffiċli ħafna. Fil-bidu tas-sena erġajt bdejt nemmen li nistgħu nirritorna fil-livell li kont,” qal Woods li fl-aħħar snin kellu diversi problemi fiżiċi u oħrajn mhux marbuta mal-golf.

In-numru wieħed tad-dinja Justin Rose rnexxielu jassigura l-$10 miljuni permezz tar-rebħ tal-FedEx Cup, minkejja li għalaq b’73. Hu spiċċa fir-raba’ post wara Horschel (-9) u Johnson (-7).

F’Atlanta, Georgia ħadu sehem tletin plejer, li kienu l-ewwel fil-klassifika tal-FedEx, bi sbatax minnhom se jieħdu sehem fir-Ryder Cup. Minn dawn is-17-il plejer, 11 huma Amerikani (prattikament it-tim kollu għajr Jordan Spieth u s-sitta l-oħra huma Ewropej. Ir-Ryder Cup se ssir f’Pariġi bejn it-28 u t-30 ta’ Settembru.

Tags