Futbol Sport

5/5 – Samir Arab ifaħħar l-għajnuna li ngħata mill-MFPA

(Ritratt: maltafpa.com)
Il-ħames u l-aħħar parti tal-intervista li dehret fil-ħarġa tal-Ħadd ta' Il-Mument

Jekk f’din l-esperjenza negattiva ma ħareġ xejn, Samir Arab żgur li apprezza l-ħidma li saret mill-Malta Football Players Association u l-FIFPro li bħala assoċjazzjonijiet tal-plejers għenuh kif setgħu. Hu qalli li lill-MFPA u l-FIFPro diġà qalilhom li lest li jgħin jekk iridu l-għajnuna. “Grat lejhom u sibt ħafna ħafna sapport, għajnuna diretta mingħandhom biss sibt.”

Arab żied li kienu l-MFPA li kellmu lill-plejers involuti fil-kwistjoni bħalu u baqa’ impressjonat bil-messaġġi u t-telefonati li rċieva, fejn saħansitra qal li hi ħasra li qatt ma ġietu f’moħħu qabel biex ikellimhom. Hu jgħid li jħoss li huma nies li tista’ tafda għaliex huma jħarsu d-drittijiet tal-plejers.

“Taħdem ħafna l-MFPA. Ma kontx naf li għandha daqshekk xogħol. Faċli biex titkellem magħhom u dejjem bil-bieb miftuħ.” Jien staqsejt li speċi assoċjazzjoni taqbeż għall-plejer għax hu plejer? Imma hu qalli li jaqbżu għalih għax il-fatti jkunu favur il-plejer.

Fuq il-punt li kellmuh, staqsejt jekk l-Integrity Officer tal-MFA Franz Tabone kellmux xi darba fuq il-każ, u qalli li fuq il-logħba qatt u indika li seta’ kien hemm xi istruzzjonijiet mill-UEFA għaliex lilu l-pulizija biss kellmuh.

Samir Arab kien rappreżentat fil-CAS mill-avukat tal-FIFPro Roy Vermeer. Hu ltaqa’ miegħu waqt l-MFPA Awards fejn kien kellmu u wara li ra d-dokumenti qallu li jemmen li għandu każ b’saħħtu. Wara li l-appell inqata’ kontra, Arab saħaq li Vermeer ma kienx jaf x’se jgħidlu. Hu qal li l-FIFPro għenu kemm setgħu tant li l-avukat tagħhom li rrappreżentah ħadem b’xejn filwaqt li l-MFPA għenet finanzjarjament.