Il-Vici Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Affarijiet tal-Parlament David Agius kien impenjat f’laqgħat fi Brussell flimkien ma rappreżentanti tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) bi tħejjija għall-kampanja elettorali tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew li se ssir f’Mejju tas-sena d-dieħla.
David Agius iltaqa’ mas-Segretarju Ġenerali tal-PPE Antonio Lopez Isturiz fejn iddiskuta kif il-Partit Nazzjonalista se jressaq l-aqwa kandidati li jistgħu jirrappreżentaw lill-Maltin u l-Għawdxin fil-Parlament Ewropew. Ġie diskuss ukoll l-irwol tal-Partit Nazzjonalista fil-Partit Popolari Ewropew u kif il-programm elettorali se jkun imfassal fuq l-iskop li l-Ewropa tkun il-mezz ta’ serħan il-moħħ, aktar drittijiet u ta’ prosperità għaċ-ċittadini Ewropej.
Lopez Isturiz spjega kif il-PPE se jkun qed jagħżel il-kandidat tiegħu biex eventwalment imexxi l-Kummissjoni Ewropea jekk il-PPE jirbaħ l-elezzjonijiet fuq livell Ewropew. Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius qal li l-Partit Nazzjonalista se jwassal il-messaġġ tiegħu f’qafas aktar wiesgħa tal-bidliet li hemm bżonn fl-Ewropa, bl-immigrazzjoni se tkun fuq nett tal-aġenda għax iċ-ċittadini qed jistennew li l-Ewropa tkun aktar effiċjenti f’dan is-settur.
David Agius iltaqa’ wkoll mal-Viċi President tal-Partit Popolari Ewropew Paolo Rangel li huwa wkoll il-President tal-European Ideas Network (EIN), li huwa t-think tanktal-EPP. Ġiet diskussa l-kollaborazzjoni bejn l-EIN u l-AŻAD, b’mod speċjali il-programm ta’ formazzjoni politika għaż-żgħażagħ Future Leaders.
Matul dawn il-laqgħat, il-Viċi Kap tal-PN għall-Affarijiet tal-Parlament David Agius kien akkumpanjat mill-kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Peter Agius.
//= $special ?>