L-Avukat Ġenerali qal li m’għaddiex kopja tal-inkjesta lill-Kap tal-Oppożizzjoni għaliex ma kienx se jħalliha ‘fil-kexxun’. B’din id-deċiżjoni l-Avukat Ġenerali ried iżomm lill-Kap tal-Oppożizzjoni milli jitkellem fuq l-inkjesta u jipprova jagħlaqlu ħalqu. Dan meta l-Prim Ministru Joseph Muscat u esponenti oħrajn tal-Gvern u tal-Partit Laburista taw ir-reazzjonijiet tagħhom dwar l-inkjesta permezz ta’ programmi u artikli fil-midja.
L-Avukat Ġenerali għadda kopja sħiħa tal-inkjesta lill-Prim Ministru Joseph Muscat għaliex kien rabat il-pożizzjoni tiegħu bħala Prim Ministru mal-konklużjoni ta’ din l-inkjesta. Fl-istess ħin l-Avukat Ġenerali deherlu li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia m’għandux ikollu kopja sħiħa ta’ din l-inkjesta, minkejja li materja bħal din hija ta’ interess nazzjonali.
Bl-ammissjoni tiegħu stess, l-Avukat Ġenerali wera biċ-ċar li ħa deċiżjonijiet fejn żbilanċja ruħu favur il-Gvern u kontra l-Oppożizzjoni, ried li jiddeċiedi waħdu, u ried li jiddeċiedi hu x’għodda għandu jkollhom il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni. Din id-deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali tmur kontra l-Kostituzzjoni ta’ Malta u kontra l-Konvenzjoni Ewropea, filwaqt li qed twaqqaf lil Adrian Delia milli jaqdi dmirijiet bħala Kap tal-Oppożizzjoni, skont il-Kostituzzjoni. Dan meta l-Avukat Ġenerali ma jistax jiggarantixxi li l-inkjesta spiċċat għand terzi persuni.
Filwaqt li ma riedx jgħaddi kopja tal-inkjesta lill-Kap tal-Oppożizzjoni, l-Avukat Ġenerali ammetta fil-Qorti li għadda kopja elettronika tal-inkjesta lill-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici. Huwa qal li għamel dan għaliex fi kliemu l-Ministru tal-Ġustizzja kien wieħed mill-avukati tal-Prim Ministru. Dan meta Ministru m’għandux jibqa’ jipprattika l-professjoni tiegħu. Din il-fehma tal-Avukat Ġenerali, li l-Ministru għall-Ġustizzja huwa avukat tal-Prim Ministru għandha implikazzjonijiet politiċi kbar.
Meta ġie mistoqsi biex jagħti raġuni valida għaliex hu kien il-persuna li għadda kopja tal-inkjesta lil Bonnici, l-iskuża li ġab Grech kienet li hu jifhem li l-Prim Ministru ‘mhux ħa jaraha hu biss’ u li jkollu nies li qegħdin jistudjawha. Dan ifisser illi kien jaf li l-Prim Ministru ma kienx se jżomm il-kopja tal-inkjesta għalih u xorta waħda għaddihielu pero’ lill-Kap tal-Oppożizzjoni baqa’ m’għaddilux kopja bl-iskuża li qed jibża’ li ma jżommhiex għalih.
L-Oppożizzjoni mhi se tħalli lil ħadd ikun ‘il fuq mil-liġi u l-poplu, lanqas l-Avukat Ġenerali li l-pożizzjoni tiegħu wara l-ammissjoni tiegħu m’għandhix tenibbli. Għalhekk Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia jinsab determinat li jibqa’ jiġġieled din il-ġlieda favur id-demokrazija u l-libertà tal-espressjoni.
L-Avukat Ġenerali xehed ukoll illi l-pubbliku “ġie mgħarraf bis-sħiħ” – għall-Avukat Ġenerali l-konklużjonijiet huma biżżejjed. Dan jikkuntrasta mal-fatt illi aktar ‘il quddiem fix-xhieda tiegħu, Grech qal ukoll illi ġew ippubblikati biss l-konklużjonijiet prinċipali. Dan ifisser li ma ġewx ippubblikati l-konklużjonijiet kollha.
L-avukat għall-Kap tal-Oppożizzjoni, Dr. Vincent Galea, fakkar il-każ ta’ PaqPaqli u tal-klabb Plus One. Irriżulta li f’dawn il-każi, l-inkjesta kienet ingħatat lill-Ministru Owen Bonnici mill-Avukat Ġenerali. Grech ammetta illi kien jaf li kienu ser jixxandru lill-pubbliku.
L-Avukat Ġenerali saħaq fuq l-awtonomija tal-uffiċju tiegħu. Dan jikkuntrasta mal-fatt illi jidher li jagħti kopja lill-Ministru Bonnici tal-inkjesti meta jiġi mistoqsi għalihom.
Ġie spjegat illi l-uffiċju tal-Avukat Ġenerali jaqa’ fi ħdan il-Ministeru tal-Ġustizzja bil-funzjoni li jkun l-konsulent legali prinċipali għall-Gvernatur li jissalvagwardja l-legalita’ u l-kostituzzjoni.
Fix-xhieda tiegħu, l-Avukat Ġenerali spjega wkoll kif huwa Chairman tal-Board tal-Gvern għall-FIAU maħtur mill-Ministru tal-Finanzi.
Dan ħareġ fis-seduta ta’ dalgħodu hekk kif l-Avukat Ġenerali, minkejja li hu irreżista, kellu jixhed fil-Kawża Kostituzzjonali li fetaħ kontrih il-Kap tal-PN Adrian Delia.
L-istess kawża, li qed tinstema’ quddiem l-Imħallef Robert Mangion, ser tkompli tinstema’ fid-9 t’Ottubru fejn mistennija ssir il-kontro-eżami tal-Avukat Ġenerali.
//= $special ?>