Fl-aħħar sentejn, jiġifieri bejn Awwissu tal-2016 u Awwissu ta’ din is-sena, il-Pulizija ntalbet tinvestiga 130 każ ta’ karozzi li tqabbdu apposta, li fihom kien hemm 219-il vettura li ġarrbu ħsarat.
Matul din is-sena, l-agħar xahar kien ix-xahar li għadda, Awwissu meta f’xahar wieħed kien hemm xejn inqas minn tmien rapporti, fejn inqerdu 17-il karozza, jiġifieri każ iktar minn April tas-sena li għaddiet li jsegwi f’din l-istatistika negattiva.
Fost ir-rapporti l-iktar partikolari, kien hemm każ li seħħ f’Awwissu tax-xahar li għadda, fi Triq Santu Wistin, il-Ħamrun meta nqerdu żewġ vetturi u saret ħsara f’faċċata ta’ residenza. Dan kien każ partikolari għaliex fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, fl-istess triq seħħ każ ieħor li wkoll qed jitqies mhux aċċidentali fejn saret ħsara f’żewġ vetturi u żewġ residenzi oħra waqt li wassal biex xi anzjani kellhom jiġu evakwati f’nofs ta’ lejl.
Dan joħroġ minn informazzjoni li Net News talab lill-Korp tal-Pulizija, bl-istatistika turi li fit-tnax-il xahar bejn Settembru 2016 u Lulju 2017 kien hemm 62 każ li fihom inħarqu 107 vetturi. Fit-tnax-il xahar li segwew, jiġifieri sax-xahar li għadda, l-ammont ta’ rapporti żdied għal 67, fejn inqerdu 111-il vettura.
Kien hemm biss xahar wieħed, Ġunju tas-sena li għaddiet, fejn ma kien hemm l-ebda rapport ta’ karozzi li tqabbdu apposta.
L-istatistika turi wkoll li l-ikbar ammont ta’ każi ta’ vetturi li tqabbdu apposta fl-aħħar sentejn kien f’Ħal Qormi bi 17-il każ, segwit minn Bormla bi 13-il każ u 10 każi fil-Ħamrun. Din tfisser qabża kbira minn lokalitajiet oħra li jsegwu, tant li fir-raba’ post wieħed isib lill-Marsa b’7 każi u Birkirkara fil-ħames post b’sitt każi.
L-iktar lokalitajiet meqjusa siguri minn dan il-lat huma Ħal Għaxaq, Ħal Kirkop, l-Iklin, Ħal Luqa, Marsaxlokk, Santa Luċija u s-Swieqi f’Malta, kif ukoll ir-Rabat u s-Sannat f’Għawdex fejn f’sentejn ma kienx hemm każi ta’ ħruq intenzjonat ta’ karozzi.
Minbarra dawn il-każi, kien hemm 177 każ ieħor b’244 vettura li ħadu n-nar iżda li kienu klassifikati bħala każi aċċidentali jew li l-każ seħħ minħabba problemi fil-vettura stess mingħajr intervent kriminali ta’ terzi.
//= $special ?>