Internazzjonali

Il-Jemen jiffaċċja l-agħar kriżi umanitarja fid-dinja

Il-Jemen ilu żmien stabbilit bħala l-pajjiż fejn qed tiżviluppa l-agħar kriżi umanitarja fid-dinja u meta l-osservaturi jemmnu li ftit hemm tama li l-affarijiet, hemmhekk, jistgħu jaqilbu għall-aħjar.

Mark Lowcock, bħala s-Sotto-Segretarju tan-NU għall-Affarijiet Barranin, qal li s-snin tal-ġlied intensiv fil-Jemen wasslu għall-qerda tas-servizzi pubbliċi, minbarra li ħallew il-miljuni tar-refuġjati waqt li xprunaw waħda mill-akbar epidemiji tal-kolera li qatt rat id-dinja.

Dan l-uffiċjal, li għandu wkoll responsabbiltà bħala Koordinatur (tan-NU) għall-Għajnuna ta’ Emerġenza, sostna li ‘is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen laħqet livell iddisprat’ u li l-gruppi ta’ fejda internazzjonali ‘mhumiex jirnexxilhom jikkontrollaw il-ġuh f’dak il-pajjiż’.

Il-kroll ekonomiku drammatiku fil-Jemen – li kien diġà stabbilit fost l-ifqar Stati tad-dinja – ħalla ‘il fuq minn 18-il miljun persuna ( ħafna minnhom tfal) f’sitwazzjoni fejn ma jafux jekk humiex se jkollhom l-ikel minn ġurnata għall-oħra.

Sadanittant, l-Istati Uniti, l-Arabja Sawdija u diversi pajjiżi Ewropej qegħdin jipprovdu l-fondi għal għajnuna lill-Jemen, bil-kontribuzzjoni kollettiva (s’issa) tkun l-ekwivalenti ta’ 2.6 biljun dollaru Amerikan.