“Irridu nassiguraw li ma jkunx hemm ċirkustanzi fejn whistleblower ma jingħatax il-protezzjoni mill-istess nies li l-informazzjoni li trid tinkixef tista’ tinkriminahom. Rajna kif il-liġi ġiet abbużata f’Malta meta nkixfu affarijiet fuq dawk fl-ogħla livelli tal-poter. Jien qed naħdem biex nindirizza din il-vulnerabilità permezz tal-liġi proposta tal-Unjoni Ewropea,” qal l-MEP David Casa.
David Casa hu l-kelliem tal-Grupp tal-PPE dwar il-liġi tal-whistleblower fil-Kumitat tal-Parlament Ewropew dwar l-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali. Il-proposti ta’ Casa ġew addottati fil-Kumitat din il-ġimgħa fi Brussell.
Il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea tinsisti li l-whistleblowers jirrappurtaw il-ħażin u l-illegalitajiet permezz ta’ metodi li jkunu diġà identifikati.
Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa qal: “F’każijiet ta’ korruzzjoni fl-ogħla livelli tal-Gvern, ikun ineffettiv li jsiru rapporti permezz ta’ dawn il-metodi. Dawn il-whistleblowers għandu jkollhom l-opportunità li jippreżentaw l-informazzjoni li għandhom lil organu fi ħdan il-ġudikatura, li jkollu l-poteri neċessarji biex jieħu azzjoni u jipprovdi l-protezzjoni.”
David Casa ddefinixxa ‘korruzzjoni fl-ogħla livell’ bħala ‘attività attwali jew potenzjali li tkun illegali, kondotta ħażina, jew abbuż fir-rigward tal-liġi minn persuni f’livell ministerjali jew f’livell ogħla, kif ukoll kapijiet ta’ awtoritajiet pubbliċi u impjegati li jirrappurtaw direttament lilhom.”
Il-proposta tiegħu tgħid “li meta persuni li huma fil-pussess ta’ informazzjoni dwar korruzzjoni f’livell għoli, għandhom ikunu jistgħu jirrappurtaw direttament lil korp ġudizzjarju, li għandu jkun kompletament awtonomu minn fergħat oħra tal-Gvern, u għandu jkollu s-setgħa li jipprovdi lill-persuni li jirrappurtaw il-protezzjoni fiżika u legali, u jieħu kull azzjoni meħtieġa biex jassigura li l-ksur jiġi investigat bir-reqqa, u l-persuni konċernati jitressqu quddiem il-ġustizzja.”
Fil-ġimgħat li ġejjin, il-pożizzjoni tal-Kumitat EMPL issa tmur fir-rapport li qed jiġi abbozzat mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, li mbagħad tkun il-bażi għall-Parlament Ewropew biex jidħol f’negozjati mal-Kunsill.
//= $special ?>