Internazzjonali

In-Nazzjonijiet Uniti: Trump jikkundanna lill-Iran mingħajr riservi

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump għadu kemm indirizza lill-Assemblea Ġenerali tan-NU fi New York fejn ikkundanna lit-Tmexxija tal-Iran ‘talli żergħet il-qerda, il-mewt u l-kaos’ madwar il-Lvant Nofsani.

Trump, fl-istess ħin, iddefenda d-deċiżjoni tiegħu biex joħroġ mill-ftehim nukleari ‘storiku’ li l-Iran kien laħaq, fl-2015, mal-potenzi tal-Punent.

Hu kompla li ħafna pajjiżi oħra tal-Lvant Nofsani ‘applawdew’ id-deċiżjoni tal-Istati Uniti biex ma tiffurmax aktar parti mill-ftehim inkwistjoni.

Il-President Amerikan, tul id-diskors, ftit żamm lura fil-kundanna tiegħu għar-reġim Iżlamiku f’Tehran fejn sostna li l-Mexxejja Iranjani ‘serqu l-ġid ta’ pajjiżhom’.

Donald Trump, fl-istess ħin, akkuża lill-Iran bħala ‘sponsor tat-terroriżmu’ ‘il hinn minn artu.

Qabel id-diskors lin-NU, Trump kien insista li hu ma kellux jiltaqa’ mal-President tal-Iran, Hassan Rouhani, fi New York.
Il-President Amerikan għamilha ċara li hu mgħandux jiltaqa’ mal-ogħla tmexxija tal-Iran ‘sakemm l-Iranjani ma jibdlux l-atteġġjament tagħhom’ . Dan minkejja li l-indikazzjonijiet li Trump jista’ jibdel l-atteġġjament jekk jara li ż-żmien hu opportun għal bidla fil-politika ta’ Washington.

Mill-banda l-oħra, il-President Rouhani, li wkoll kien qed jattendi għall-avveniment annwali tan-NU, qal li pajjiżu ‘mhux se jidħol fi djalogu ma’ Trump sakemm l-Istati Uniti tirritorna għall-ftehim storiku tal-2015’.

Sadanittant, Donald Trump, illum, tkellem ukoll dwar il-Korea ta’ Fuq u sostna li l-laqgħa tiegħu, ftit tax-xhur ilu, mal-Mexxej Korean komunista, Kim Jong-un, wasslet għal żviluppi ‘li ftit kienu jimmaġinaw qabel’.

Trump żied ‘l-missili u r-rokits tal-Korea ta’ Fuq mgħadhomx qed itiru f’kull direzzjoni’ u li r-reġim fi Pyongyang waqaf mill-provi nukleari ta’ftit xhur ilu.

‘L-Istati Uniti, bl-appoġġ ta’ pajjżi oħra, ikkonsolidat il-kuntatti mal-Korea komunista biex xprunat inizjattiva ġdida u kuraġġjuża lejn il-paċi’, ikkonkluda l-President Amerikan.