Il-Papa Franġisku temm il-pellegrinaġġ fir-reġjun Baltiku bi żjara fl-Estonja sekulari – b’din iż-żjara ssir wara l-impenji tal-aħħar jiem għall-Papa fil-Litwanja u l-Latvja.
Intant — u waqt li l-Papa ħeġġeġ it-tkattir tar-relazzjonijiet bil-għan li ma jintilfux l-għeruq sekulari, spikkat ukoll it-twissija biex is-soċjetà ma tibbażax it-twemmin biss fil-progress teknoloġiku ‘għaliex tista’ tispiċċa imxabba’ u mingħajr sens ta’ sodisfazzjon fil-kunċett tal-eżistenza’.
L-Estonja hi kunsidrata fost l-aktar pajjiżi avvanzati tal-Ewropa mill-aspett teknoloġiku filwaqt li ‘waħda mill-anqas soċjetajiet reliġjużi fid-dinja.’ Aktar min-nofs tal-1.3 miljun residenti tal-Estonja ma għandhom l-ebda affiljazzjoni reliġjuża – bil-parti kbira tar-residenti devoti jkunu membri tal-knejjes Luterani u Ortodossi. Dan ukoll meta fil-pajjiż hemm biss mas-6,000 Kattoliku.
Mal-wasla tiegħu f’Tallinn, il-Papa iltaqa’ mal-President Kersti Kaljulaid u wara hu ippresieda fuq laqgħa għaż-żgħażagħ qabel iċċelebra l-quddies għall-komunità tal-Kattoliċi, fil-Pjazza tal-Ħelsien ġewwa l-kapitali.
Meta, qabel, tkellem fil-Palazz Presidenzjali, il-Papa faħħar il-bidliet soċjali u ekonomiċi fl-Estonja tul il-kwart ta’ seklu wara li ntemmet l-okkupazzjoni Sovjetika tal-pajjiż. Iżda hu wissa wkoll li l-effetti tas-soċjetajiet li jibbażaw fuq it-teknoloġija jinvolvu t-telf tat-tifsira u l-ferħ tal-ħajja. ‘Hawnhekk jistgħu jintilfu r-relazzjonijiet personali u bejn il-ġenerazzjonijiet, bir-riżultat li l-ġenerazzjonijiet taż-żgħażagħ jitilfu l-bażi xierqa għall-iżvilupp ta’ futur komuni,’ kompla l-Papa.
Min-naħa tagħha, il-President Kaljulaid qablet li l-Estonja għaddiet minn bidliet rapidi fost l-iżvilupp ekonomiku robust, ‘iżda dan mgħandux ifisser li l-aktar elementi tas-soċjetà jispiċċaw injorati u mwarrba’. Hi kompliet li s-suċċess ekonomiku jobbliga lill-Gvern biex jagħmel li hemm bżonn biex jgħin lill-foqra u l-aktar ċittadini vulnerabbli.
Il-missjoni tal-Papa fil-Baltiċi damet erbat ijiem u kienet intiża biex hu jinkoraġġixxi u jixpruna l-fidi Kattolika f’reġjun li għadda minn 50 sena ta’ ripressjoni reliġjuża imposta mis-Sovjetiċi u stat ta’ ateiżmu sponsorjat mill-Istat. L-Estonja, l-istess bħal-Litwanja u l-Latvja, kienet anki sofriet taħt l-okkupazzjoni tal-qawwiet Nażisti matul it-Tieni Gwerra Dinjija.
//= $special ?>

