Basketball Sport

LeBron James preżentat bħala plejer ta’ Los Angeles Lakers

LeBron James insista li t-trasferiment tiegħu għal ma’ Los Angeles Lakers seħħ għal raġunijiet sportivi u mhux biex ikun eqreb ta’ Hollywood. Il-plejer ta’ 33 sena ngħaqad ma’ Lakers mingħand Cleveland Cavaliers xahrejn ilu b’kuntratt ta’ erba’ snin li jiswa €130 miljun. L-istaġun li għadda Los Angeles Lakers spiċċaw fil-11-il post fil-Western Conference.

James għandu diversi interessi ta’ films u televiżjoni, fejn fosthom hu mistenni jidher fuq Space Jam, iżda hu insista li dawn mhumiex fatturi wara t-trasferiment. “Id-deċiżjoni hi bbażata fuq il-familja tiegħi u Lakers. Jien plejer tal-basketball. Jien nilgħab il-ballun. Dak li nagħmel.”

Los Angeles Lakers ilhom ma jaslu sal-play-offs tal-NBA mill-istaġun 2012/2013, iżda minbarra LeBron James, dan is-sajf akkwistaw ukoll il-veterani Rajon Rondo, JaVale McGee, Lance Stephenson u Michael Beasley.

James sostna li s-suċċess mhux biss marbut mar-rebħ tat-titli. “Ma nemminx li l-unika ħaġa li tfisser suċċess hu rebħ ta’ kampjonat. Se jkun hemm biss rebbieħ wieħed iżda ma jfissirx li ma tkunx ta’ suċċess. Se jkun hemm rebħ u telf imma li tista’ tikkontrolla hu kif tipprepara kuljum,” qal James.