Lokali

NET FM iżid l-udjenzi

Suċċess għal NET FM hekk kif żdiedu l-udjenzi tal-istazzjon skont l-istħarriġ ta’ l-opinjoni pubblika maħruġ mill-Awtorità tax-Xandir.

Net FM, li sa Lulju li għadda kien Radio 101, issa sar is-sitt stazzjon l-iżjed segwit f’Malta, qabża sinifikanti mid-disa’ post li kien jokkupa qabel.

Permezz tat-tibdil fil-programmi u rebranding tal-istazzjon Net FM issa qed jilħaq udjenzi ta’ eta iżgħar li sa ftit xhur ilu ma kienx jilħaq.

Fost dawk li għandhom bejn 30 u 50 sena NET FM żied l-udjenzi b’4 darbiet iżjed, qabża qawwija li seħħet grazzi għall-programmi u ġodda li ġew introdotti.

Il-breakfast show ta’ NET FM, Wake-Up call issa laħħaq l-għaxart elef persuna jisimgħu. Suċċess għal Eileen Montesin bil-programm Club 101 u Marbeck Spiteri bil-progamm Brunch. Waqt li NetNews qed ikun segwit minn iżjed nies fuq NET FM, issaħħaħ il-programm ta’ analiżi politika immexxi minn Jerome Caruana Cilia – Feedback. Suċċess ieħor għal Dulcima Aquilina li minn Lulju bdiet il-programm ġdid ta’ kuljum Follow-Up. NET FM żied ukoll l-udjenzi wara nofsinhar bil-programm Buckle-Up ta’ Martin Sapiano u Stephanie Chricop waqt li Indri Attard ħoloq udjenza ġdida li qabel ma kinitx hemm bil-programm ġdid tiegħu ‘Nghiduha Kif Inhi’ wara NETNews tas-sitta.

Suċċess kbir ukoll għal programm Marċi u Bandalori fil-ħin ġdid tiegħu nhar ta’ Ħadd bejn is-sitta u s-seba’ u nofs ta’ filgħodu fejn l-udjenza ta’ dan il-programm imtella’ minn Joe Chetcuti telgħet minn 1,500 għal 6,000.

Sinifikanti ukoll iż-żieda fl-udjenzi tal-Ħadd filgħodu fil-ħin li jkunu qed jindirizzaw is-segwaċi l-mexxejja politiċi fejn NET FM li fuq jixxandar id-diskors tal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia qabeż l-istazzjon Laburista ONE.

Iċ-Chairman Ezekuttiv ta’ MediaLink Pierre Portelli kellu reazzjoni ta’ sodisfazzjon għal dan it-tibdil li rringrazzja lill-ħaddiema kollha għal dan is-suċċess. “Dan hu biss il-bidu,” qal Pierre Portelli, “Grazzi kbira wkoll lill-udjenzi leali lejn l-istazzjon li fehmu t-tibdiliet li għamilna, kif ukoll lil dawk ġodda li bdew jisimgħu NET FM għall-ewwel darba.”

L-istħarriġ tal-opinjoni publika iħares lejn l-udjenzi għar-radju u televiżjoni bejn Lulju u Awwissu.  Minbarra fis-suċċess li kiseb NET FM anke NET TV żied l-udjenzi fis-sajf fejn il-programmi Terrazza, Forċina u Man Up+ laħqu udjenzi għola waqt li NET News żamm l-udjenzi tiegħu.

L-iskeda l-ġdida ta’ NET TV mistennija tibda b’diversi programmi ġodda mill-1 t’Ottubru.