Lokali

Proġett biex jitħawwlu madwar miljun siġra

Il-proġett “Saġġar” – frott il-kollaborazzjoni bejn il-Fondazzjoni QLZH u l-NGO Act – mistenni jwassal biex f’Malta u f’Għawdex jitħawwlu madwar miljun siġra.

F’konferenza tal-aħbarijiet kien spjegat li bħala Fondazzjoni li tħaddan fiha għadd ta’ real estates, il-QLZH ilha tħoss li għandha trodd lura lill-Ambjent billi tipparteċipa fi proġetti ta’ responsabbiltà soċjali.

Għaldaqstant, kif spjega l-Ko-Fundatur tal-Fondazzjoni Steve Mercieca, fis-snin li għaddew kien sar ftehim mal-Konsorzju ELC biex titħawwel siġra għal kull dar mibjugħa minnhom.

Iżda issa hi l-intenzjoni tal-Fondazzjoni – iffurmata minn voluntiera fi ħdan il-kumpaniji Quicklets u Zanzi Homes – li tmur għal dan il-proġett fuq skala akbar għall-pajjiż, bi proġett ta’ afforestazzjoni sostenibbli. Kien għalhekk li ntagħżlet l-NGO Act, li hi speċjalizzata f’dan is-settur.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Act Claude Ebejer spjega li hi l-intenzjoni tal-NGO li tingħaqad ma’ kulmin hu interessat biex jgħin l-Ambjent f’pajjiżna.

Tenna li proġett bħal dan għandu jkun il-katalist għal aktar kollaborazzjonijiet fil-futur.

Hu rringrazzja lill-Fondazzjoni QLZH għall-interess tagħhom, li qal li jemmen li għandha l-istess ambizzjonijiet b’risq Ambjent isbaħ. L-NGO sostniet l-impenn biex il-ġenerazzjoni tal-lum tkun dik li tibqa’ mfakkra għall-ħidma b’risq Ambjent sostenibbli għall-futur.

Iż-żewġ kelliema rringrazzjaw lil dawk kollha li qed jgħinu biex dan il-proġett jista’ jkun suċċess.